Fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jagħmel talba formali biex pajjiżna jingħata €60 miljun minn dak li hemm allokat għal Malta mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza tal-Unjoni Ewropea.
Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, waqt konferenza organizzata mir-rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta.
Is-Segretarju Parlamentari Bonett qal li pajjiżna laħaq b’suċċess il-miri kollha li kellu jilħaq sal-aħħar tas-sena li għaddiet b’rabta mal-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza, u għalhekk jinsab f’pożizzjoni li jitlob għall-ewwel €60 miljun minn dan il-pjan. Mill-Pjan ta’ Rkupru pajjiżna diġà ngħata €41 miljun bħala finanzjament minn qabel.
Qal kif “din is-sena għandna 38 target ieħor illi qegħdin fit-triq it-tajba biex nilħquhom kollha, u bħala Gvern kommessi li dan il-pjan, li nemmnu ħafna fih – huwa pjan li se jara lill-ekonomija tagħna wara l-pandemija tieħu dik l-ispinta ’l fuq – inkomplu nwettquh.”
Chris Bonett spjega li, b’riżultat tat-kabbir ekonomiku b’saħħtu li pajjiżna kellu matul is-sena li għaddiet, se jkun hemm reviżjoni fuq l-ammont ta’ fondi li Malta se tkun qed tirċievi taħt il-Pjan ta’ Rkupru. Fl-ewwel tliet xhur tas-sena, l-ekonomija Maltija kibret b’7.6 fil-mija u, skont rapport tal-Kummissjoni Ewropea, is-sena li ġejja Malta se jkollha t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Is-Segretarju Parlamentari spjega kif bħalissa għaddejja ħidma biex jiġi elevat liema proġetti li kellhom isiru mill-Pjan ta’ Rkupru għandhom isiru xorta waħda, iżda mill-pakkett finanzjarju ta’ fondi Ewropej ta’ €2.2 biljun għall-perjodu bejn l-2021 u l-2027. Dan hu l-ikbar pakkett ta’ fondi li qatt innegozja l-gvern Malti.
Il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta, li ġie deskritt mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, bħala l-aktar wieħed li jirrispetta l-ambjent, ikopri sitt oqsma, inklużi t-trasport sostenibbli, l-ekonomija ċirkulari, l-enerġija nadifa u l-effiċjenza enerġetika fil-bini, it-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika u tas-sistema legali, proġetti mmirati lejn is-setturi tas-saħħa u tal-edukazzjoni, kif ukoll riformi istituzzjonali.
Il-Pjan jiddedika 54 fil-mija tal-allokazzjoni totali tiegħu għal miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi u 26 fil-mija għal miżuri li jappoġġaw it-tranżizzjoni diġitali.
Għawdex se jibbenefika wkoll minn dan il-pjan, b’wieħed mill-proġetti jkun il-qalba għal enerġija nadifa fl-Iskola Primarja tan-Nadur.