Fil-ġimgħa tal-Milied, kull min għandu aktar minn ħamsa u tletin sena jista’ jirreġistra biex jieħu d-doża addizzjonali kontra l-Covid-19.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru ts-Saħħa, Chris Fearne waqt il-programm Paperscan fuq ONE l-Ħadd filgħodu, fejn spjega kif aktar dettalji se jingħataw fil-ġranet li ġejjin.
“Sal-lum, kienet għal min għandu ħamsin sena u aktar. Tant għaddejjin b’ritmu mgħaġġel li issa fil-ġimgħa tal-Milied, jiġifieri minn hawn u sebat ijiem jew għaxart ijiem oħra, ħa niftħu r-reġistrazzjoni fuq vaccin.gov.mt għal kull min għandu ħamsa u tletin sena u fuqhom biex minn Jannar, mill-aħħar ta’ Diċembru, nibdew inlaqqmu wkoll bil-booster dose l-persuni ta’ fuq ħamsa u tletin sena”, spjega l-Ministru tas-Saħħa.
Fi tmiem ġimgħa li kien fi Brussell fejn ġiet diskussa s-sitwazzjoni tal-pandemija flimkien ma’ Ministri Ewropej oħra tas-Saħħa, Chris Fearne qal li kulħadd jinsab imwerwer fuq il-varjant il-ġdid, Omicron għaliex huwa mikrobu li jinfirex ħafna aktar malajr u ma nafux wisq dwaru.
Hawnhekk spjega kif l-ikbar biża’ hija meta ma tkunx taf, għaliex meta taf tkun, tista’ tippjana.
Huwa għalhekk li ħafna pajjiżi qed ibassru l-agħar.
Hawnhekk il-Ministru tas-Saħħa saħaq fuq l-importanza tat-teħid tad-doża addizzjonali u spjega s-sitwazzjoni f’pajjiżna.
“Tajna diġà terz tal-poplu l-booster u għaddejjin b’rata għolja ħafna, erġajna qegħdin l-ewwel fl-Ewropa fejn jidħol il-booster imma l-fatt li għandna parti kbira tal-poplazzjoni u parti kbira tal-popolazzjoni fl-Ewropa hija li għadha ma ħaditx il-booster ifisser li l-immunità nieżla jiġifieri allura se jkun hemm iżjed nies li huma suxxettibbli, fl-istess waqt li ġej l-Omicron, fl-istess waqt ukoll li ġejjin il-festi tal-Milied fejn bilfors ikun hemm ħafna aktar nies li qegħdin jitħalltu flimkien.”
Ma’ dawn il-fatturi kollha, hemm tħassib kbir dwar l-influwenza.
“Nafu mill-esperjenza li meta jkun hemm sena fejn l-influwenza tkun baxxa bħal ma kienet is-sena l-oħra, ġeneralment is-sena ta’ wara tkun iżjed qalila u allura hemm dan li l-Amerikani jgħidulu the perfect storm. Issa, meta tara s-sħab ġej tista’ tagħmel żewġ affarijiet. Tista’ jew tissogra u tgħid, jiena jekk ma tagħmilx xita ma jkun ġara xejn, jew tista’ tgħid jiena ħa noħroġ l-umbrella ħalli jekk tagħmel ix-xita nilqa’, issa jista’ jkun ma tiġix ix-xita u tkun għamilt ġurnata tiġri għalxejn bl-umbrella.”
Id-Deputat Prim Ministru spjega li pajjiżna qed jiġġieled dawn il-fatturi b’żewġ affarijiet; bit-teħid tad-doża addizzjonali – u hawnhekk reġa’ appella biex kull min għandu iktar minn ħamsin sena jirreġistra fuq vaccin.gov.mt jew billi jċempel 145, u l-ilbies tal-maskri.
Fil-fatt, jum wara li l-ilbies tal-maskra reġa’ sar obbligatorju anki f’postijiet pubbliċi, Chris Fearne rrimarka li din hija miżura għal ftit ġimgħat li m’għandhiex timpatta n-negozju u l-ħajja soċjali tagħna.