Fil-ġimgħa li kien hemm id-dibattitu bejn il-mexxejja politiċi fl-Università ta’ Malta, il-Prim Ministru Robert Abela saħħaħ il-fiduċja u żiedha fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Żewġ stħarriġiet, wieħed tal-Maltatoday u ieħor tal-istatistiku Dr Vincent Marmarà ppubblikat fuq it-Torċa, urew fiduċja b’saħħitha f’Robert Abela.
Il-Maltatoday irrappurtat li d-distakk fil-fiduċja bejn Abela u Grech tela’ għal 14%, b’żieda ta’ perċentwal fuq l-istħarriġ ta’ ġimgħa qabel.
Dan filwaqt li l-istħarriġ tat-Torċa wera li l-Mexxej Laburista huwa fdat b’20.1% iżjed mill-Kap Nazzjonalista.
L-istudju ta’ Marmarà jisħaq li għad hemm konsistenza fil-fiduċja li jgawdi l-Prim Ministru.
Skont il-Maltatoday, Robert Abela huwa fdat iżjed minn Bernard Grech f’kull kategorija t’età u kważi f’kull reġjun f’pajjiżna.
Meta niġu għall-partiti politiċi, il-Maltatoday tirrapporta distakk ta’ 8% bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista filwaqt li t-Torċa tgħid li hemm distakk ta’ 12.8%.
L-istħarriġiet jinnutaw li għad hemm parti mill-elettorat li għadu jrid jiddeċiedi.
L-istħarriġ tat-Torċa sar fost 1,800 ruħ.