Il-pulizija tal-irvellijiet fil-Ġeorġja użaw pepper spray u kanuni tal-ilma kontra dimostranti li ħarġu fit-toroq ta’ Tbilisi wara li l-gvern issospenda l-proċeduri biex jissieħbu fl-Unjoni Ewropea.
43 persuna ġew arrestati fid-dimostazzjonijiet fil-kapitali lbieraħ filgħaxija. Il-folol ħarġu wara li l-Prim Ministru Irakli Kobakhidze qal li l-Gvern tiegħu se jwaqqaf l-insegwiment tiegħu għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea f’mossa li kienet ikkritikata minn aktar minn mitt diplomatiku bħala mhux kostituzzjonali.
Kobakhidze kien akkuża lill-Parlament Ewropew b’rikatt wara li l-leġiżlaturi tal-Unjoni Ewropea talbu biex l-elezzjonijiet parlamentari tax-xahar li għadda fil-Ġeorġja jerġgħu jsiru minħabba irregolaritajiet sinifikanti.
Mill-2012, il-Ġeorġja hija ggvernata minn Georgian Dream, partit li qed jiġi kkritikat li pprova jbiegħed lil pajjiż mill-Unjoni Ewropea u jqarreb lejn ir-Russja.
Nhar il-Ħamis, il-Parlament Ewropew appoġġja riżoluzzjoni li ddeskriviet l-elezzjoni bħala l-aħħar stadju fil-kriżi demokratika li qed dejjem tiggrava fil-Ġeorġja u qal li l-partit fil-gvern kien kompletament responsabbli.
Ġie wkoll espress tħassib partikolari dwar rapporti ta’ intimidazzjoni tal-votanti, xiri u manipulazzjoni tal-voti u fastidju tal-osservaturi.
Il-Parlament Ewropew ħeġġeġ ukoll sanzjonijiet kontra l-Prim Ministru tal-Ġeorġja u uffiċjali oħra ta’ livell għoli fosthom il-fundatur biljunarju tal-parti fil-gvern Bidzina Ivanishvili.
Wara r-riżoluzzjoni, il-Prim Ministru tal-Ġeorġja qal li l-gvern tiegħu iddeċieda li ma jressaqx il-kwistjoni tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea fuq l-aġenda qabel l-2028. Huwa qal li l-Ġeorġja xorta se tfittex is-sħubija fl-UE iżda b’dinjità u bil-kundizzjonijiet li jagħmlu huma.
B’risposta għal dan eluf ta’ nies favur is-sħubija fl-Unjoni Ewropea ħarġu jiddimonstraw barra l-uffiċini tal-partit Georgian Dream fil-bliet ta’ Tbilisi u Kutaisi.