Wara l-ittra tal-Partit Popolari Ewropew lil Ursula von den Leyden, issa kien imiss sensiela ta’ attakki qawwija fil-gazzetti lokali kontra l-Gvern min-naħa ta’ esponenti tal-fazzjoni estrema tal-Partit Nazzjonalista.
F’artiklu fuq is-Sunday Times of Malta, John Vassallo, ex-ambaxxatur fi żmien Gvern Nazzjonalista meqjus ferm qrib Richard Cachia Caruana, sostna li Gvern Laburista qed jidfen id-demokrazija. Huwa saħaq li l-korp tal-Pulizija jinsab kompletament f’idejn il-Gvern u li huwa ovvju li l-pubbliku Malti ma fadallu ebda fiduċja fil-Pulizija.
Dan meta l-aħħar Ewrobarometru tal-Kummisjoni Ewropea b’mod indipendenti wera li kważi żewġ terzi tal-Maltin qallu li jafdaw lill-Pulizija. Dan huwa ferm aħjar mir-riżultati fi żmien Gvernijiet Nazzjonalista fejn madwar 49% biss kienu jemmnu li l-pulizija tista’ tinvestiga b’mod tajjeb il-korruzzjoni. Illum dan il-proporzjon tela’ għal 59%. B’kuntrast 12% biss tal-Maltin illum jafdaw lill-qrati biex jinvestigaw il-korruzjoni.
Minkejja din l-evidenza ċara li l-poplu għandu rispett sħiħ lejn il-forzi tal-ordni f’pajjiżna, l-opinjonista qrib il-fazzjoni estrema sostna li pajjiżna issa daħal f’Putin-like police state” f’attakk ċar fuq l-integrità tal-Korp tal-Pulizija. Fl-istess ħin Vassallo ħeġġeġ lill-membri taċ-ċivil biex ma jsegwux l-ordnijiet tal-membri tal-Gvern, minkejja li dawn qed igawdu mill-akbar mandat elettorali fl-istorja ta’ pajjiżna.
L-ex ambaxxatur fi Gvern Nazzjonalista sostna wkoll li huwa meħtieġ li l-President tirrifjuta li tiffirma l-liġi dwar ir-riforma fl-inkjesti jekk din tgħaddi mill-Parlament, aġir li jkun ksur tal-kostituzzjoni ta’ pajjiżna.
Intant fuq il-Malta Independent on Sunday, Claudette Buttigieg, il-preferita tal-establishment biex tieħu post Bernard Grech, sostniet li l-Prim Ministru qed ifalli lil-pajjiżna bir-riforma tal-inkjesti. Hija irrepetiet il-gidba ta’ Karol Aquilina li l-Prim Ministru qallu biex joħroġ barra l-kamra għall-ġlied. Dan filwaqt li sostniet li għażel li jqajjem l-bidla fil-liġi tal-inkjesti privati bħalissa għax il-poplu iffukat fuq il-Eurovision.
Fl-istess ġurnal kien hemm artiklu ta’ Darren Carabott, ieħor imbuttat mill-fazzjoni estrema tal-Partit Nazzjonalista, fejn qal li bħalissa għaddej attakk fuq id-demokrazija. Dan waqt li l-Gvern qed jipprova jgħatti lil dawk li hu sejjaħ kriminali assoċjati miegħu. Carabott kompla wkoll jattakka l-integrità tal-pulizija.
Magħhom ingħaqad imbagħad Kevin Cassar li kemm fil-Malta Independent on Sunday kif ukoll is-Sunday Times of Malta kiteb żewġ artikli negattivi. Huwa sejjaħ lil Prim Ministru Dr Robert Abela “champion of hypocrisy, the diva of deviousness”. Dan filwaqt li akkuzaħ b’“reckless callousness” jew bi krudeltà bla ħsieb u li ma għandux rispett għall-ħajja tan-nies f’artiklu fit-Times. Fuq l-Independent imbagħad akkuża lill-Prim Ministru li qed juża l-flus tal-istat bħala “personal piggybank”. Dan filwaqt li qabblu ma’ tirann.