Irridu naħdmu għal soċjetà aktar inklussiva, li tilqa’ lil kulħadd fi ħdana.
Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela waqt iċ-ċerimonja ta’ ftuħ tal-Europride Valletta 2023, fl-MFCC f’Ta’ Qali.
Dr Abela sostna li fl-aħħar snin il-Gvern għamel rivoluzzjoni fuq id-drittijiet ċivili, bl-għajnuna tal-attivisti li ħadmu għal snin twal.
Huwa semma li pajjiżna ilu għal dawn l-aħħar snin fil-quċċata tad-drittijiet ċivili fl-Ewropa.
Il-Prim Ministru tenna li l-ugwaljanza trid tkun twemmin li ngħixu ta’ kuljum, waqt li kull persuna twettaq il-ħolma tagħha u tkun kuntenta li tgħix f’pajjiżna.
Preżenti għall-ftuħ tal-Europride kien hemm il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli, il-Ministru għall-Ugwaljanza Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi Rebecca Buttigieg.
L-attivitajiet se jkomplu għaddejjin f’pajjiżna sas-17 ta’ Settembru, fejn minn nhar it-Tnejn, Pjazza Tritoni se tkun imlibbsa apposta għall-okkażjoni.
Hawnhekk ta’ kull filgħaxija se jkun hemm diskussjonijiet varji u interessanti marbutin mat-tema tal-ugwaljanza, bil-għan li aktar nies isiru konxji tar-realtijiet li l-komunità LGBTIQ+ tiffaċċjaha.
Għawdex ukoll se jkun integrat f’dawn iċ-ċelebrazzjoni billi s-Sibt se jkun qed jittella’ spettaklu speċifiku, bil-qofol jintlaħaq ukoll bi Pride March.
Il-kantanta ta’ fama dinjija Christina Aguilera, flimkien ma’ kantanti Maltin, bħal Ira Losco, Emma Muscat u The Travellers, se tkun qed tagħti kunċert b’xejn, li hu tant mistenni, fuq il-Fosos tal-Furjana, nhar is-16 ta’ Settembru, eżatt wara l-marċ prinċipali tal-EuroPride.
Truly delighted to welcome @pridemalta this eve! I reiterated that tolerance alone is not enough. @MaltaGov is committed to remain the driving force that will bring an end to discrimination. Over the next 10 days we will celebrate love and promote #equalityfromtheheart. – RA pic.twitter.com/S1oEtRidZl
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) September 7, 2023