Ir-renju tal-bluha jinsab fuq l-għatba hekk kif ftit xhur oħra, il-kostumi, il-maskri u l-kuluri mistennija joħolqu l-atmosfera karnivaleska.
Għal sena oħra d-dilletanti tal-Karnival huma ħerqana biex tasal dik il-ġurnata biex ikollhom prodott finali li jkun jista’ jpaxxi lin-nies.
Il-ħamest ijiem ta’ karnival huma ftit fejn il-ħidma ta’ xhur li dawn il-festi jirrikjedu. Din is-sena ONE News żar wieħed mill-imħażen fejn issir il-ħjata tal-kostumi li għalihom il-ħdud u vaganzi huma opportunità biex jżidu l-pass fuq ix-xogħol li fadlilhom.
F’atmosfera ta’ ħidma tkellimna ma’ Clinton Abela Grech u Gabriella Stagno Piscopo , li jiffurmaw parti mill-għaqda Kultura u Armar Marija Annunzjata Tarxien.
Gabriella stqarret li ilha tintensifika l-ħidma biex ilestu x-xogħol minn Awwissu minħabba li għandhom mija u tmien żeffien li jeħtieġu kostum.
Stagno Piscopo tenniet, “Nistgħu ngħidu qegħdin full force, il-karnival kull ma fadallu xahrejn so minn naħa tagħna peress li għandna tliet kumpaniji, kumpanija f’sezzjoni B, kumpanija oħra tat-tfal f’sezzjoni Ċ u kumpanija oħra tal-kbar f’sezzjoni D inkunu għaddejin naqra mhux ħażin fil-fatt kull sezzjoni għandna 36 żeffien jiġifieri totali għandna 108 kostumi jiġifieri nistgħu ngħidu l-kostumi qegħdin jiġu mgħaqqdin naqra avvanzati qiegħed bħala stadju.”
Għal dawn id-dilettanti, il-pandemija tal-Covid 19 ġabet diversi diżappunti fil-qasam tagħhom u għalhekk huma mxenqin li jerġgħu jaraw liż-żeffiena bil-kostumi grandjużi jieħdu sehem fil-kompetizzjoni li ssir ġewwa pjazza San Ġorġ ta’ kull sena.
Gabriella tennet li huma jkunu fuq ix-xwiek jistennew direttivi mill-fondazzjoni ta’ Festivals Malta li tieħu ħsieb dawn l-attivitajiet u b’qalb kbira qalet li s’issa kollox ser isir skont ir-regolamenti tal-Covid 19.
Hija stqarret, “Aħna bħala dilettanti li narmaw kull sena dejjem nittamaw li jsir però imbagħad come what may jġifieri jekk ma jsirx ikollna il-kostumi jerġgħu jmorru lura l-imħażen u naraw minn hemmhekk però kulħadd qed jittama li jsir u ma nitilfux karnival ieħor peress li s-sena li għaddiet just ikkompetejna b’żewġ kostumi u ż-żeffiena ma ħadux sehem, inti dak huwa s-sabiħ li jkollok iż-żeffiena bil-kostumi kollha jikkompetu. ”