Il-forzi tas-sigurtà Brażiljani jerġgħu jieħdu l-kontroll tal-Kungress fil-Brażil wara li dimostranti tal-lemin estrem daħlu b’forza fil-bini. Partitarji tal-eks president Jair Bolsonaro daħlu wkoll fil-Qorti Suprema fil-kapitali Brasilia.
Fil-fatt, il-pulizija arrestat madwar 300 persuna li ħadu sehem fl-irvellijiet hekk imsejħa kontra d-demokrazija.
F’Ottubru li għadda Bolsonaro tilef l-elezzjoni presidenzjali kontra Luiz Inácio Lula da Silva. Il-partitarji tiegħu mhux qed jaċċettaw din it-telfa tant li qed jitolbu għall-intervent militari u r-riżenja ta’ Lula.
Il-pulizija fil-Brażil kellha tuża l-gass tad-dmugħ biex tikkontrolla s-sitwazzjoni, filwaqt li l-President Lula wiegħed li se jkun qed jieħu passi kontra dawk li wettqu l-irvellijiet, li ddeskrivihom bħala faxxisti fanatiċi.
B’reazzjoni għall-attakki tal-bieraħ, il-partiti tax-xellug qed iħeġġu lill-Brażiljani biex illum jieħdu sehem f’rally favur id-demokrazija. Fil-fatt, anke l-partit li jmexxi Lula appella lill-Brażiljani biex joħorġu fit-toroq jopponu dak li sejjaħ bħala azzjoni terroristika fil-belt kapitali Brażiljana.
Ritratt: Reuters