Fl-ewwel xhur tas-sena mistenni jiġi ffirmat kuntratt importanti li se jwassal biex jibdew jinbnew l-ewwel impjanti li se jkunu qed jaqilbu l-iskart ta’ pajjiżna f’riżorsa.
Ħabbar dan ma’ ONE News il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv, Richard Bilocca b’reazzjoni għal statistika mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li turi kif ftit inqas minn 88% tal-iskart iġġenerat f’pajjiżna u li jammonta għal totall ta’ mitejn u tlieta u sebgħin elf seba’ mija disgħa u għoxrin tunnellata, jmur fil-miżbliet.
B’hekk 11% tal-iskart f’pajjiżna biss qed jiġi riċiklat.
Bilocca ħabbar li fil-bidu tas-sena d-dieħla l-investiment ta’ nofs biljun ewro li għamel il-Gvern, se jibda jsir realtà.
Qal, “Illum għandna wħud mill-impjanti l-kbar li iktar ma’ qed jgħaddi ż-żmien aktar qed isiru realtà. Eżempju għandna l-impjant waste to energy, il-proċess tal-procurement tiegħu ilu għaddej iktar minn sena u naħseb hawnhekk nistgħu ngħidu wkoll li għandhom jidħlu l-aħħar offerti sal-aħħar ta’ Jannar jiġifieri, jekk il-bambin irid kmieni s-sena d-dieħla nkunu qed naġġudikaw kuntratt importanti ħafna, il-kapital biss qed nitkellmu €200 miljun u imbagħad €10 miljun għal 20 sena biex dan jiġi operat.”
Is-Sur Bilocca tenna kif dan il-proġett se jkun qed jimmarka t-tmiem ta’ problema li għal żmien twil ilha tintefa’ taħt it-tapit b’riżultat li jkollha tittieħed aktar art biex fihom jinġemgħu l-miżbliet.
Spjega, “Meta aħna nħarsu lejn il-passat ta’ Malta, Gvern wara Gvern dejjem straħ fuq il-miżbliet. Issa ttieħdet bidla ċara fid-direzzjoni u l-iskart flok se nitfgħuh taħt it-tapit, ġo miżbla, qisu out of side out of mind u jkun qed jitnawwar matul is-snin. Dan se jkun qed jiddawwar kollu f’riżorsa.”
B’reazzjoni għall-istatistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, is-Sur Bilocca minkejja li tenna li għad fadal ħafna x’isir f’dan ir-rigward, rrimarka tnaqqis ta’ 12.5% fl-iskart li jinġabar primarjament mill-borża s-sewda.
Intant 51.4% tal-iskart li ġie riċiklat kien karti u kartun filwaqt li l-materjal tal-plastik ammonta għal 7% ta’ dak li ġie riċiklat.
L-iskart riċiklat fl-2020 żdied b’erbgħa u tletin elf seba’ mija sitta u disgħin tunnellata.
Bilocca appella wkoll biex is-soċjetà tikkopera u tissepara l-iskart b’mod ordnat.
Qal ukoll li l-Wasteserv qed tistenna li n-nies jikkoperaw anki f’dak li jintefa fil-borża l-griża jew il-ħadra hekk kif bħalissa, nofs il-materjal ma jkunx jista’ jiġi riċiklat minħabba li fil-borża msemmija jintefgħu materjal perikoluż bħal dak li jaqbad.