Lejn l-aħħar ta’ Ġunju, bidu ta’ Lulju r-rotot kollha tal-Luqa Junction Project se jkunu miftuħa, hekk kif il-proġett qed jibda joqrob lejn it-tmiem tiegħu.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet organizzata minn Infrastructure Malta u li fiha ngħatat informazzjoni teknika dwar dan il-proġetti massiċi tal-Luqa Junction.
Kif kien tħabbar, il-proġett tal-mini ta’ Ħal Kirkop u l-intersection tal-ajruport huwa komplut.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Ivan Falzon qal li fil-jiem li ġejjin se tkun qed tingħalaq il-flyover li bħalissa tieħdok lejn Ħal Qormi, biex wara xogħlijiet li se jsiru fuqha tinfetaħ fid-direzzjoni permanenti tagħha, dik lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta.
Għalhekk, ir-rotta alternattiva għal Ħal Qormi hija Triq Tas-Sejba, Imqabba u Triq Ħal Farruġ meta wieħed ikun ġej minn Ħal Kirkop, iż-Żurrieq, Ħal Safi u l-Imqabba.
Rotta oħra alternattiva hija mill-Marsa, meta wieħed ikun qed jivvjaġġa miż-żoni tal-Barrani lejn Ħal Qormi.
Triq tas-Sejba se terġa’ tkun miftuħa għall-pubbliku nhar il-Ħadd li ġej u għalhekk se tnaqqas bil-kbir mit-traffiku mill-inħawi tal-proġett.