Bosta pajjiżi fl-Ewropa komplew jintroduċu miżuri stretti b’rabta maż-żieda qawwija fil-każijiet tal-varjant Omicron.
Il-Belġju u Spanja huma fost il-pajjiżi li ħabbru miżuri restrittivi għal żmien il-festi.
Il-Gvern Belġjan ħabbar li se jagħlaq is-swali taċ-ċinema u t-teatri filwaqt li se jiġu imposti ristrezzjonijiet fuq attivitajiet oħra ta’ divertiment li jsiru fuq ġewwa.
Mużewijiet, libreriji u gyms se jibqgħu miftuħin.
Fi Brussell għaddejjin protesti kbar kontra l-miżuri ristrettivi.
Intant il-Gvern Spanjol ħabbar li l-ilbies tal-maskra se jerġa’ jsir mandatorju.
Dan wara li l-pajjiż irrapporta rekord ta’ infezzjonijiet.
Il-Prim Ministru Spanjol qal li qed jimmira li tmenin fil-mija tal-grupp tal-età bejn is-sittin u d-disgħa u sittin sena jkunu rċievew id-doża tal-booster sal-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla.
Fir-Renju Unit ġew rappurtati mal-mija u għoxrin elf każ ta’ Covid-19 fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa.