Elliot Paul Busuttil inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għall-qtil ta’ Mario Farrugia li nstab f’bagoll ta’ karozza f’Ħal Qormi ftit tal-jiem ilu.
L-imputat ta’ 38 minn Ħat Attard tressaq il-Qorti l-Ġimgħa filgħaxija għall-ħabta tal-17:30 ta’ filgħaxija.
Dan wara li fi ftit jiem wara l-omiċidju ta’ Mario Farrugia ta’ 62 sena minn Pembroke, il-Pulizija arrestat erba’ persuni li qed jitqiesu bħala s-suspettati ewlenin wara dan l-omiċidju.
Il-katavru ta’ Farrugia nstab fi stat qawwi ta dekompozizzjoni nhar it-Tlieta 5 ta’ April, jiem wara li ġie rrapurtat nieqes. ONE News kien żvela li hu qala’ madwar 45 daqqa ta’ sikkina b’dawk fatali jkunu fil-qalb u l-pulmun, b’uħud mid-daqqiet l-oħra kienu aktar f’forma ta’ grif.
Fil-fatt il-Prosekuzzjoni komposta mill-Ispetturi Kurt Zahra, Wayne Camilleri u Jean Paul Attard, apparti li xliet lil Busuttil bil-qtil ta’ Mario Farrugia bejn id-dati tat-28 ta’ Marzu u l-5 ta’ April, xlietu wkoll li kellu fuqu arma li taqta’ u bil-ponta.
Il-Prosekuzzjoni akkużatu wkoll li ħeba l-katavru tal-vittma.
Fost akkużi oħra ġie nnutat ukoll kif l-imputat kien riċediv u kiser diversi kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti fil-passat.
Id-difiża ffurmata mill-Avukati Edward Gatt u Ishmael Psaila, ma kkontestatx l-arrest tal-imputat u ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest.
B’hekk il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ordnat li Elliot Paul Busuttil jibqa’ jinżamm taħt arrest.