Kien proprju fil-bidu ta’ Settembru tal-1999 meta twaqqfet dik li llum hi l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, biex fl-aħħar 25 sena din l-entità governattiva kkontribwiet bi sħiħ biex il-viżibilità tal-gżejjer Maltin tinxtered mal-erbat irjieħ tad-dinja b’mod u manjiera li jkunu f’pożizzjoni b’saħħitha li jattiraw it-turisti lejhom kull sena.
Biex ikun imfakkar dan l-anniversarju importanti, l-MTA organizzat avveniment fejn kienu mistednin l-eks Ministri għat-Turiżmu li kienu responsabbli minn din l-entità sa mit-twaqqif tagħha, Chairpersons u Kapijiet Eżekuttivi passati kif ukoll il-ħaddiema kollha li servew jew għadhom iservu fl-imsemmija entità.
L-avveniment sar fil-Berġa tal-Italja, fil-Belt Valletta, li sa ftit ilu kienet ukoll tinkorpora fiha l-uffiċini tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA, Carlo Micallef, qal li jħares b’sodisfazzjon lejn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena fejn b’ħidma kollettiva inkiseb is-suċċess, anke jekk mhux dejjem kien faċli, iżda fl-aħħar mill-aħħar it-turiżmu hu settur ta’ kulħadd.
Hu qal li, għalhekk, trid issir ħidma flimkien għall-ġid ta’ pajjiżna u jitkompla jinbena fuq is-suċċessi li nkisbu. Semma kif illum hekk kif aħna fost l-aqwa destinazzjonijiet fil-Mediterran, qed niksbu suċċess b’aktar minn tliet miljun turist f’industrija li tibqa’ pilastru tal-ekonomija Maltija għas-snin li ġejjin.
Iċ-Chairman Gavin Gulia enfasizza t-trasformazzjoni tal-MTA matul dawn l-aħħar 25 sena u r-rwol kruċjali li kellha fid-diversifikazzjoni tal-offerti turistiċi ta’ Malta, fosthom il-fatt li fl-2013 kellna 1.5 miljun turist u, waqt li s-sena l-oħra kien hemm id-doppju, iċ-ċifri għal din is-sena wkoll huma sbieħ ħafna.
Il-Ministru responsabbli Clayton Bartolo rrimarka l-fatt li, minkejja li minn żmien l-Indipendenza sal-lum pajjiżna kiber, avvanza u ddiversifika l-ekonomija tiegħu, xorta għadu jara t-turiżmu bħala l-aktar industrija importanti biex l-ekonomija Maltija tkompli tikber.
Semma wkoll kif fil-ġimgħat li ġejjin l-awtorità se tkun qed tieħu rwol ċentrali f’numru ta’ deċiżjoni li se jkunu qed jittieħdu biex jitkompla jogħla l-istandard lokali u b’hekk ikunu wkoll attirati turisti ta’ kwalità għolja s-sena kollha.
“Turist ta’ kwalità ogħla li ma jkunx ta’ piż fuq il-benessere tal-poplu Malti u Għawdxi, iżda jkun verament qiegħed imexxi ’l quddiem l-ekonomija ta’ pajjiżna biex b’hekk naraw li mit-turiżmu verament jiekol kulħadd. U għaldaqstant filwaqt li nirringrazzja lill-ħaddiema kollha, bord tad-diretturi, chairpersons u kapijiet eżekuttivi tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, inħarsu ’l quddiem għaż-żmien li ġej, għax verament nemmem li l-aqwa żmien tat-turiżmu għal pajjiżna għadu ġej.”