Fil-15 ta’ Lulju ser tkun qed tiftaħ l-iskema tal-bonds għall-anzjani ta’ ‘l fuq minn 62 sena.
Qal dan il-Ministeru għall-Finanzi fi stqarrija wara li fit-30 ta’ Ġunju ħabbar li l-Accountant General nieda l-ħruġ ieħor tat-62 + Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta għall-anzjani li twieldu matul is-sena 1958 jew qabel.
L-ammont tal-ħruġ se jkun ta’ €60,000,000 soġġett li l-ammont jiżdied sa massimu ta’ €35,000,000 f’kaz li d-domanda tkun aktar mill-ammont tal-ħruġ.
Applikazzjonijiet minn investituri eliġibbli għall-ammont minimu ta’ €500 sa massimu ta’ €10,000 kull persuna jiftħu fit-8:30 a.m tal-Erbgħa, il-15 ta’ Lulju, 2020 u jagħlqu l-għada fil-5:00 p.m. tal-Ħamis, l-16 ta’ Lulju, 2020 jew qabel fid-diskrezzjoni tal-Accountant General.
Is-sottoskrizzjonijiet fil-Bond iridu jsiru f’isem applikant wieħed biss.
Il-Bond jgħaddi mgħax b’rata fissa ta’ 3% fis-sena għall-perjodu kollu ta’ ħames snin sakemm idum il-Bond, li jimmatura fis-sena 2025.
Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-prospett li issa jista’ jitniżżel ukoll minn fuq is-sit elettroniku tat-Teżor (www.treasury.gov.mt).