Il-pakkett ta’ fondi Ewropew li ġie nnegozjat f’Lulju tal-2020 u li l-programmi operattivi marbutin miegħu tħabbru matul il-jum tat-Tnejn, jammonta għal €2.2 biljun.
Fit-tnedija uffiċjali f’Ta’ Qali, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Fondi Ewropej, Chris Bonett, qal li permezz ta’ dan il-pakkett ta’ fondi Ewropej pajjiżna se jkun aktar reżiljenti għall-futur.
L-ewwel fond imħabbar huwa dak ta’ aktar minn €128 miljun li ġejjin mill-Home Fund, li huwa dak tas-sigurtà mal-fruntiera.
It-tieni fond huwa dak tal-Common Agricultural Policy Strategy Plan, li hawnhekk se jkun hemm investiment ta’ €167 miljun, li se jgħin għall-provvista u ħażna tajba tal-ikel f’dan il-perjodu ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent. Dan il-fond se jkun qed jgħin biex raħħala u bdiewa jixtru makkinarju aktar sostenibbli u anki se jgħin biex aktar żgħażagħ jidħlu f’dan is-settur.
B’investiment ta’ €31 miljun se jkun hemm il-Fond Ewropew għas-Sajd u l-Akwakultura.
Apparti minn hekk, hemm il-Fondi ta’ Koeżjoni, li jiġbor flimkien erba’ fondi differenti li jammontaw b’kollox għal €1.2 biljun.
Dan il-fond ta’ koeżjoni jinqasam f’erba’ pakketti differenti.
L-ewwel wieħed huwa l-European Regional Development Fund, li għandu investiment ta’ seba’ mija u sittin miljun (€760 miljun). Dan il-fond se jwassal għal aktar infrastruttura sostenibbli u investiment fl-enerġija permezz tat-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija. Apparti minn hekk, se jsir il-bini ta’ sptar ġdid għas-saħħa mentali u aktar investiment fl-iskejjel.
It-tieni pakkett minn dawn il-fondi ta’ koeżjoni huwa dak tal-Cohesion Fund li fost l-oħrajn se jkun utli fil-qasam tal-immaniġġjar tal-ilma.
It-tielet pakkett huwa dak tal-Just Transition Fund, li se jsir b’investiment ta’ tlieta u tletin miljun ewro, li permezz tiegħu se jitlesta – fost l-oħrajn il-proġett tax-shore-to-ship.
Waqt li r-raba’ u l-aħħar pakkett huwa dak tal-European Social Fund Plus, li jammonta għal aktar minn mitejn elf ewro. Dawn il-fondi huma miftuħin għal kull individwu f’kull qasam tas-soċjetà, fosthom permezz tal-garanzija għat-tfal u garanzija għaż-żgħażagħ u anki l-għajnuna lill-għaqdiet volontarji.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett sostna li l-fondi Ewropej huma tan-nies, li se jgawdu minnhom permezz ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar.
Għalhekk, illum se nagħmlu commitment ma’ kulħadd, li l-fondi Ewropej aktar minn qatt qabel, se jkunu aktar qrib tiegħek. Se jkunu qrib tiegħek għax huma l-fondi tiegħek. Jekk temmen li l-istorja tiegħek hi żgħira wisq biex ikollok aċċess għall-fondi, minn hawn qed ngħidulek li, le, mhix, għax l-istorja tiegħek se tkun l-akbar ambizzjoni tagħna.”
Bonett qal li l-fondi Ewropej huma qrib in-nies, u li għalhekk fl-aħħar xhur kien għaddej proċess ta’ simplifikazzjoni.
Intant, fl-istess attività tnieda s-sit fondi.eu, sabiex in-nies ikunu jafu minn liema fondi jistgħu jibbenefikaw. Dan is-sit ġabar sitt siti elettroniċi preċedenti, li issa saru sit wieħed.
Apparti minn hekk, l-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta se tkun l-aġenzija one-stop-shop biex wieħed japplika u jibbenefika minn fondi Ewropej.