Fl-MFCC f’Ta’ Qali qed tittella’ fiera b’affarijiet tad-djar wara xhur twal mingħajr dawn it-tip ta’ fieri minħabba l-pandemija.
Bil-miżuri meħtieġa konformi mal-awtoritajiet tas-saħħa, din il-fiera qed isservi ta’ spalla wkoll għall-esebituri biex jesebixxu l-prodotti tagħhom fejn dawn ivarjaw minn għamara għal soluzzjonijiet ta’ enerġija alternattiva.
Dawn kollha u ħafna iżjed jinsabu taħt saqaf wieħed fejn eluf ta’ koppji jridu jinvestu f’darhom u fil-futur tagħhom.
Matul l-erbat ijiem tal-fiera, il-pubbliku għandu l-opportunità jara x’toffri Malta rigward prodotti relatati mad-dar flimkien ma’ servizzi li jappartjenu għall-għajxien tal-ħajja.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MFCC Anita Mifsud qalet li din hi okkażjoni sabiħa għan-negozji: “L-aħħar waħda li saret f’October 2019 u saret ukoll il-weddings. After that ma sar xejn u bqajna f’kuntatt magħhom u dejjem jgħidulna imma aħna għandna bżonnha din għax aħna rridu nagħmlu kuntatt man-nies għax iġibu prodotti ġodda, jkunu jridu jniduhom. Dan huwa il-mezz kif huma jkollhom l-aċċess biex jippromwovu l-business tagħhom.”
Fil-ftuħ tal-fiera, il-Ministru għall-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo spjega li din il-fiera hija pass ieħor lejn in-normalità.
Huwa stqarr: “Din hija l-ewwel fiera li qegħdin naraw issir wara l-pandemija. Ma kinitx faċli iżda wasalna u għalhekk irrid l-ewwelnett nawgura l-organizzaturi kollha u lil dawk kollha li qegħdin jiħdu sehem u aktar minn hekk, inħeġġeġ ukoll lill-persuni sabiex jattendu għal din il-fiera għaliex nemmen li fieri bħal dawn kapaċi jagħtu iktar exposure lill-prodott lokali u kif ukoll ikomplu jgħinuna illi inrawmu l-ekonomija hekk kif qegħdin naraw l-irkupru wara l-pandemija tal-Covid 19.”