Matul il-jum tat-Tnejn, il-foyer tal-iskola medja tal-kulleġġ San Benedittu f’Ħal Kirkop, inbidel f’fiera li tindirizza l-edukazzjoni Post-Sekondarja. L-għan ta’ din il-fiera huwa li titwassal aktar informazzjoni lill-istudenti u lill-ġenituri tagħhom biex jiggwidawhom jagħmlu l-aħjar għażla dwar il-futur tal-edukazzjoni tagħhom fuq livell post-sekondarju sabiex twassalhom għall-karrieri u opportunitajiet differenti fid-dinja tax-xogħol.
Waqt din il-fiera, persuni professjonali ltaqgħu mal-istudenti u ġenituri tagħhom fejn iddiskutew u offrew gwida għall-karrieri u korsijiet li jeżistu għalihom.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima li żar il-fiera qal li inizjattivi bħal dawn huma strumentali għax jimmotivaw lill-istudenti għat-tagħlim tul il-ħajja u għall-progress fit-tkabbir tal-karriera tagħhom.
“L-għan tagħna huwa li, filwaqt li nsaħħu s-sistema akkademika eżistenti, inkomplu nwessgħu aktar ir-rotot li nistgħu noffru lill-istudenti biex ikomplu bl-istudji tagħhom li jiswilhom ta’ ġid fil-futur qarib” enfassizza s-Segretarju Parlamentari Grima.
Matul din iż-żjara, is-Segretarju Parlamentari żar ix-xogħlijiet li qed isiru fuq il-laboratorji ġodda tal-Inġinerija, IT, Media literacy, Retail, Health and Social care u Hospitality li jinsabu fi stadju avvanzat.
F’din il-fiera informattiva ħadu sehem l-MCAST, ITS, Higher Secondary, Junior College, ALP, GEM 16+, Universita ta’ Malta, Lifelong Learning, il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Aġenzija Żgħażagħ, Jobsplus/Youth Guarantee, The Lino Spiteri Foundation u s-St Benedict College Psycho-Social Team.