Fl-aħħar sigħat fiequ 5 persuni oħra mill-Coronavirus f’pajjiżna u feġġew 206 każijiet minn fost 4,373 test, biex bħalissa hawn 1,642 każ attiv.
B’kollox, fiċ-ċentri tal-ittestjar saru 1,037,870 test.
Ingħataw ukoll 721,415-il doża tal-vaċċin. Minnhom, 381,764 kienu l-ewwel doża u 355,883 persuna huma kompletament imlaqqma.
L-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li hemm sbatax-il persuna pożittiva għall-COVID-19 li qed jieħdu l-kura fl-Isptar Mater Dei, b’wieħed minnhom jinsab fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
Qalu wkoll li mill-235 każ irrappurtati lbieraħ, 178 kellhom bejn 10 snin u 39 sena.
L-età medja tal-każijiet tal-Ġimgħa kienet ta’ 27 sena.
Għal jum ieħor ma ġew irrappurtati l-ebda mwiet b’rabta mal-COVID-19.