Fl-aħħar sigħat fiequ erba’ persuni mill-Coronavirus u feġġew żewġ każijiet minn fost 2,545 test li saru fl-aħħar 24 siegħa. B’kollox fiċ-ċentri tal-ittestjar madwar Malta u Għawdex saru 936,409 testijiet.
Fil-bullettin mediku ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa s-Supretendent tas-Saħħa Publika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li nstab każ wieħed tal-varjant Indjan tal-virus, li issa qed jiġi investigat.
Ingħataw ukoll total ta’ 541,178 tilqima kontra l-virus. 324,295 persuna ħadu l-ewwel doża, u 226,341 persuna issa huma kompletament imlaqqma. Tul l-aħħar 24 siegħa ma kienu rrapportati l-ebda mwiet b’rabta mal-pandemija.
Il-Professur Gauci qalet ukoll li 47% tal-każijiet attivi huma tal-varjant Ingliż, u 3.7% u 0.7% huma tal-varjant Brażiljan u dak Afrikan rispettivament. Ikkonfermat ukoll li m’hemm l-ebda pazjent bil-COVID-19 li għandu bżonn il-kura fit-Taqsima tal-Kura Intensiva f’Mater Dei, u hemm biss żewġ pazjenti fi swali oħra tal-isptar. Għal ġimgħa oħra ma ġewx reġistrati każijiet pożittivi ta’ COVID-19 mid-djar tal-anzjani.
Il-Professur Gauci rrimarkat għal darb’oħra dwar il-mod kif miexi l-pjan nazzjonali ta’ tilqim li qed jispikka fuq livell globali wara li l-pajjiż laħaq l-immunità għall-virus. Hekk kif ftit aktar minn ġimgħa ilu bdew jirreġistraw biex jitlaqqmu persuni ta’ aktar minn 16-il sena, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet ukoll li n-numri juru l-fiduċja li għandu l-poplu fil-vaċċin.
“In-nurmi jitkellmu waħedhom. Inti tara li f’dawn ix-xhur li bdejna nlaqqmu u kull darba ftaħna grupp, in-nies ġew bi ħġarhom. Iż-żgħażagħ ukoll ġew bi ħġarhom u nistennew peress li għaddejjin bl-eżamijiet, jgħaddu l-eżamijiet u fis-sajf ikomplu jiġu”, temmet tispjega s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.