Fl-aħħar sigħat fiequ tmenin persuna mill-Coronavirus f’pajjiżna u feġġew tlieta u erbgħin każ minn fost elfejn tmien mija u tnejn u għoxrin test, biex bħalissa hawn sitt mija, u disa’ każijiet attivi.
B’kollox fiċ-ċentri tal-ittestjar saru miljun, mija, tlieta u erbgħin elf, u erbgħa u disgħin test.
Ingħataw ukoll seba’ mija, erbgħa u tmenin elf, seba’ mija u disgħa u għoxrin doża tal-vaċċin. Minnhom, erba’ mija u sebat elef, disa’ mija, ħamsa u tmenin persuna ħadu l-ewwel doża u erba’ mija u erbat elef, seba’ mija, u sittin persuna huma kompletament imlaqqma.
L-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li hemm tlieta u erbgħin persuna pożittiva għall-COVID-19 li qed jieħdu l-kura fl-Isptar Mater Dei, ħamsa minnhom fit-Taqsima għall-Kura Intensiva.
Qalu wkoll li l-età medja tal-każijiet tal-Ħadd kienet ta’ sebgħa u tletin sena.
Intant, fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa, anzjana ta’ sitta u tmenin sena tilfet ħajjitha waqt li kienet pożittiva għall-Covid-19.