Fl-aħħar sigħat fiequ 30 persuna oħra mill-Coronavirus u feġġew 27 każ minn fost 1,883 test.
Dan ifisser li 98.6% tat-testijiet li saru ġew negattivi, u 1.4% ġew pożittivi.
Sa issa fiċ-ċentri tal-ittestjar f’pajjiżna saru 842,208 testijiet.
Mindu beda jingħata l-vaċċin kontra l-Covid-19, ingħataw 264,658 doża.
Minnhom, 80,671 persuna ħadu t-tieni doża.
Intant, fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa mietu żewġ anzjani ta’ 67 sena li kienu pożittivi għall-Covid-19.
Dan intqal mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci waqt l-aġġornament ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa dwar l-aħħar żviluppi dwar l-imxija.
Il-Professur Charmaine Gauci qalet kif kien hemm 15,000 persuna li għandhom ’il fuq minn 50 sena li applikaw u rċievew l-appuntament sabiex jitlaqqmu.
Hija qalet kif dawk li għandhom sittin sena kollha suppost rċievew l-istedina sabiex jitlaqqmu u appellat lil dawk li ma baqgħu ma rċievewx l-invit u għandhom ‘il fuq minn 60 sena sabiex iċemplu fuq in-numru 145.
Fl-ewwel ġimgħa minndu nfetħu l-iskejjel, il-Professur Gauci qalet li ma kien hemm l-ebda grupp li ħareġ pożittiv mill-istituzzjonijiet edukattivi.
Meta mistoqsija minn ONE News, dwar dawk il-ftit li tlaqqmu u laqqtu il-virus, il-Professur Charmaine Gauci qalet hekk.
Qalet, “Kemm huma, jekk kienu esposti għal dan il-virus ukoll ma jkunux qed jinfetaw lillhom infushom. Il-ftit każijiet li kellna jiġifieri li qed naraw li bl-ewwel doża kellna biss 0.9% ta’ persuni li wara li ħadu l-ewwel doża tal-vaċċin, b’doża waħda reġgħu ġew pożittivi, però jekk tħares lejn dawn il-maġġoranza tagħhom kienu bla sintomi.”
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet kif fid-djar tal-anzjani qed jibqgħu jsiru t-testijiet għall-virus u nstabu biss tliet każijiet.
Spjegat kif dawn l-anzjani ma kellhomx bżonn għalfejn jiddaħħlu l-isptar minħabba li kellhom sintomi ħfief.
Il-Professur Charmaine Gauci qalet kif permezz tal-programm tal-vaċċinazzjoni, l-imwiet tal-persuni li jkunu pożittivi għal Covid-19 qed jonqsu.
Hija tenniet l-appell biex in-nies jitlaqqmu.
Spjega, “Kull persuna wkoll għandu jkun qed jiġi ‘l quddiem meta nibgħatulkom l-invit biex jistgħu intom tieħdu t-tilqima. Nafu kemm it-tilqima qegħda tippreveni mill-imwiet ta’ persuni u kemm persuni li jkollhom ukoll bżonn li jidħlu l-isptar. L-evidenza hija ċara anke hawn Malta, fejn in-numri tagħna huma żgħar, diġà qegħdin naraw l-impatt u anke jekk tħares lejn pajjiżi oħrajn diġà qegħdin jinnutaw impatt minħabba t-tilqim.”
Waqt dan l-aġġornament, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ħabbret li l-app li biha tkun taf li jkollok xi ħadd viċin tiegħek li jkun pożittiv, se tkun qed taħdem fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Dan sabiex matul is-sajf tiffaċilità s-safar taċ-ċittadini kollha.