Fl-aħħar sigħat fiequ 259 persuna mill-Coronavirus, u feġġew 329 każ minn fost 3,779 test li saru fl-aħħar 24 siegħa. S’issa fiċ-ċentri tal-ittestjar f’pajjiżna saru 746,422 test.
Mindu beda jingħata l-vaċċin kontra l-COVID-19, ingħataw 113,258 tilqima. Minn dawn, 37,182 persuna ħadu t-tieni doża.
Fl-aħħar 24 siegħa wkoll mietu ħames persuni waqt li kienu pożittivi għall-COVID-19. Anzjan ta’ 73 sena, raġel ta’ 38 sena u anzjana ta’ 85 sena mietu l-Isptar Mater Dei, u raġel ta’ 62 sena u mara oħra ta’ 47 sena mietu fi djarhom.
Fil-bullettin mediku ta’ kull ġimgħa, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li mill-Ġimgħa fetaħ ċentru għat-tilqim ġdid fit-Teatru Aurora f’Għawdex, u fl-aħħar sigħat infetaħ ukoll ċentru għat-tilqim fl-MCAST. B’kollox fil-gżejjer Maltin hawn 40 ċentru fejn wieħed jista’ jitlaqqam.
Il-Professur Gauci spjegat ukoll kif qed ikomplu jonqsu l-każijiet pożittivi f’persuni li għandhom aktar minn 80 sena, u l-età medja tal-każijiet li rriżultaw fil-pożittiv għall-virus fl-aħħar jiem kienet ta’ 39 sena.
61% tal-każijiet attivi bħalissa rriżultaw fil-pożittiv għall-varjant Ingliż tal-COVID-19. Hawnhekk il-Professur Gauci spjegat li tul l-aħħar sena, l-awtoritajiet tas-saħħa ħadmu biex jadattaw il-kura li tingħata l-pazjent skont it-tendenzi tal-virus stess.
Prof. Gauci qalet: “Fil-bidu tal-pandemija, kien virus ġdid u bdew diversi studji dwar anke xi prodotti mediċinali jistgħu jingħataw lil dawn il-pazjenti. Il-kliniċi tagħha tgħallmu ħafna u bdiet toħroġ ukoll riċerka dwar il-prodotti li jkunu qed jagħmlu l-akbar impatt fuq il-pazjenti.”
Il-Professur Gauci ċċarat ukoll dwar il-kunsinji tal-vaċċin tal-Astrazeneca wara rapporti li feġġew dwarhom fl-aħħar sigħat.
Hija saħqet: “Kellna komunika mal-European Medicines Agency u l-MMA, li għamlet l-evalwazzjoni tagħha u rakkomandat li jibqa’ għaddej it-tilqim tal-Astrazeneca. In-nies li ngħataw il-vaċċin minn dawn il-konsenji, segwejna biex naraw kienx hemm kumplikazzjonijiet ta’ blood clots. S’issa m’għanda l-ebda indikazzjoni li ġara hekk. Aħna se nibqgħu nsegwu s-sitwazzjoni kemm hawn Malta kif ukoll barra.”