Fl-aħħar sigħat fiequ 182 persuna oħra mill-COVID-19 f’Malta, u feġġew 258 każ minn fost 3,640 test. Dan ifisser li 92.9% tat-testijiet li saru ġew negattivi, u 7.1% ġew pożittivi. Sa issa fiċ-ċentri tal-ittestjar f’pajjiżna saru 691,614-il test.
Mindu beda jingħata l-vaċċin kontra l-Covid-19, ingħataw 73,644 tilqima. Minnhom, 23,395 persuna ħadu t-tieni doża. Intant, fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa anzjana ta’ 83 sena u raġel ta’ 76 mietu waqt li kienu pożittivi għall-Covid-19.
Fil-bullettin mediku ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, spjegat li t-tilqim fil-pajjiż qed jimxi skont l-istrateġija, u filfatt mill-Erbgħa li għadda bdew jitlaqqmu l-ħaddiema fil-qasam edukattiv.
B’kollox l-awtoritajiet tas-saħħa għandhom id-dettalji ta’ 25,000 persuna meqjusa vulnerabbli f’Malta u Għawdex, li l-maġġoranza tagħhom irċievew l-invit għat-tilqim ukoll. Qalet ukoll li minn dan il-grupp ta’ persuni raw konkorrenza tajba, u fadal biss ftit anzjani li għadhom jgħixu fil-komunità, u li għandhom bejn il-75 u t-80 sena, li għad iridu jirċievu l-istedina għat-tilqima. Dawn se jibdew jitlaqqmu fit-8 ta’ Marzu.
Hawnhekk il-Professur Gauci spjegat li l-impatt pożittiv tat-tilqim diġà qed jinħass fid-djar tal-anzjani, hekk kif in-numru ta’ każijiet naqsu.
Hija qalet, “Bħalma tiftakru, qabel kien ikollna numru ta’ każijiet fid-djar tal-anzjani. Issa n-numru naqas. Fl-aħħar ġimgħa kellna biss erbat idjar li kellhom każijiet, u ma kinux jaqbżu l-erba’ każijiet f’kull dar. Għandna wkoll ftit każijiet attivi fir-Residenza St. Vinċenz de Paule, fejn hemm ukoll it-tilqim għaddej tajjeb ħafna.”
L-awtoritajiet tas-saħħa għandhom ukoll id-dettalji ta’ kull persuna f’Malta li diġà tlaqqmet biex ‘il quddiem, ikunu jistgħu jsiru l-passaporti tal-vaċċin, li din il-ġimgħa stess ġew diskussi anke f’summit bejn il-mexxejja Ewropej.