Fl-aħħar sigħat fiequ mija tmienja u sittin persuna oħra mill-Coronavirus f’pajjiżna u feġġew erbgħa u sittin każ minn fost elfejn seba’ mija u tnejn u sittin test, biex il-każijiet attivi niżlu għal elf, sitt mija u disgħa.
B’kollox fiċ-ċentri tal-ittestjar saru miljun u sitta u disgħin elf, tmien mija u sitt testijiet.
Sal-bieraħ, ingħataw ukoll seba’ mija u sittin elf, erba’ mija u sbatax-il doża tal-vaċċin. Minnhom, tliet mija u disgħa u disgħin elf, seba’ mija u erbgħa u għoxrin kienu tal-ewwel doża u tliet mija u tnejn u tmenin elf, tmien mija u ħamsa u għoxrin persuna huma kompletament imlaqqma.
L-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li hemm sebgħa u tletin persuna pożittiva għall-COVID-19 li qed jieħdu l-kura fl-Isptar Mater Dei, b’ħamsa minnhom jinsabu fit-Taqsima għall-Kura Intensiva.
L-età medja tal-każijiet tal-Ħadd kienet ta’ erbgħa u tletin sena.
Fl -aħħar sigħat ma ġew irrappurtati l-ebda mwiet b’rabta mal-COVID-19.