Fl-aħħar sigħat, fiequ 165 persuna oħra mill-Coronavirus f’pajjiżna u feġġew 164 każ minn fost 2,873 test.
Dan ifisser li 94.2% tat-testijiet li saru ġew negattivi, u 5.8% ġew pożittivi.
Fiċ-ċentri ta’ ttestjar f’pajjiżna saru aktar minn 648,516 test.
Fl-istess waqt, mindu beda jingħata l-vaċċin kontra l-COVID-19 f’Malta, ingħataw 46,344 tilqima. Minnhom, 13,820 ħadu t-tieni doża.
Intant, fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa, mietu żewġ anzjani li kienu pożittivi għall-COVID-19; anzjan ta’ 84 sena fl-Isptar Karin Grech u anzjana ta’ 82 sena fl-Isptar Mater Dei.
Fil-bullettin mediku ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, spjegat li l-pjan ta’ tilqim f’Malta miexi b’ritmu mgħaġġel.
Dan fost persuni li jaħdmu f’setturi kliniċi tal-Gvern u tal-privat, l-anzjani u l-ħaddiema fid-djar tal-anzjani, l-anzjani fil-komunità u ħaddiema fil-Forzi tal-Ordni.
Din il-ġimgħa wkoll bdew jitlaqqmu l-persuni vulnerabbli.
Il-Professur Gauci appellat biex min jilbes maskri tad-drapp, ikun ċert li qed jagħtuh l-ogħla livell ta’ protezzjoni.
Hija saħqet: “Jekk inti ħa tuża cloth mask li hija pereżempju layer wieħed jew inkella żewġ layers, dik mhix biżżejjed biex tipproteġi għaċ-ċirkolazzjoni tal-Coronavirus allura l-appell tagħna huwa li noqogħdu attenti liema tip ta’ masks jintużaw u jkunu skont il-linji gwida li ssibu wkoll fuq il-website tagħna.”