Fl-aħħar sigħat fiequ mija sitta u għoxrin persuna oħra mill-Coronavirus f’pajjiżna u feġġew erbgħa u disgħin każ minn fost tlett elef, mija u sitta u tletin test.
Bħalissa hawn elfejn, mitejn u tnejn u sittin każ attiv.
B’kollox fiċ-ċentri tal-ittestjar saru miljun u wieħed u sebgħin elf, tmien mija u żewġ testijiet.
Ingħataw ukoll seba’ mija u erbgħa u erbgħin elf, ħames mija u wieħed u għoxrin doża tal-vaċċin. Minnhom, tliet mija u tlieta u disgħin elf, u tnejn u sittin kienu l-ewwel doża u tliet mija u sebgħin elf, mija u sebgħa u tmenin persuna huma kompletament imlaqqma.
L-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li hemm disgħa u tletin persuna pożittiva għall-COVID-19 li qed jieħdu l-kura fl-Isptar Mater Dei, b’wieħed minnhom fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
Qalu wkoll li mill-mija u sebgħa u għoxrin każ irrappurtati lbieraħ, sitta u tmenin persuna kellhom bejn l-għaxar snin u d-disgħa u tletin sena.
L-età medja tal-każijiet tal-Ħadd kienet ta’ tlieta u tletin sena.
Intant fl-aħħar sigħat ma ġew irrappurtati l-ebda mwiet b’rabta mal-COVID-19.