Quddiem folla sabiħa ta’ nies li nġabru fl-iskola primarja ta’ Birżebbuġa l-Ħadd filgħodu, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela sostna kif il-fiduċja li ngħatat lil dan il-Gvern mill-poplu, trid tkompli tissarraf f’iktar ħidma.
Fost l-oħrajn huwa semma l-ħidma sfieqa li qed issir fil-lokalità ta’ Birżebbuġa b’riġenerazzjoni sħiħa flimkien man-nofsinhar tal-pajjiż.
Dr Abela aċċenna għal diversi proġetti li saru u qed isiru, fosthom il-promenade b’investiment ta’ tnax-il miljun ewro, il-berġa tas-saħħa, il-heated pool lill-atleti tal-waterpolo u ċ-ċentru ċiviku.
Hawnhekk il-Prim Ministru ħabbar estensjoni fil-park tal-familji u l-ispazju miftuħ ta’ Bengħajsa, hekk kif bħalissa l-Awtorità tad-Djar tinsab fi proċess li tneħħi l-irregolaritajiet li saru fil-Forti ta’ Bengħajsa biex jerġa’ jingħata lura lill-Birżebbuġin.
Aħna għamilna park ta’ għoxrin elf metru kwadru bis-siġar, post ta’ rikreazzjoni għall-familji tagħna, b’ambjent sabiħ u rilassanti u li issa se nkomplu nestenduh b’sebat elef metru kwadru ieħor u llum se nżid oħra. Se nagħtukom lura l-Forti ta’ Bengħajsa. Tafu li din kienet okkupata illegalment u ħadna l-azzjoni xierqa biex din il-forti tiġi lura għand in-nies. Post li issa se nirrijabilitawh għal kif verament jixraq li jkun u nagħtih lura lin-nies.
Il-Prim Ministru Robert Abela
Sadanittant, il-Prim Ministru tkellem dwar pataflun ta’ miżuri li qed jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies fosthom l-akbar tax cut li qatt ingħatat fl-istorja ta’ dan il-pajjiż, li daħlet fis-seħħ minn Jannar, b’140 miljun ewro li se jibqgħu fil-bwiet tan-nies.
Dan b’differenza kbira mill-Partit Nazzjonalista li fil-Budget ta’ qabel l-2013 ipprovaw jintaxxaw il-paga minima nazzjonali.
Ħa nfakkarkom jien x’ħallew warajhom fl-aħħar budget li kieku ġie approvat u hawn insellem lil Franco Debono li vvota kontrih, kien se jkun ifisser li l-paga minima nazzjonali, wara li żammewha friżata għal ġenerazzjoni, kienet se tibda tiġi ntaxxata. L-ewwel ħaġa li għamilna, qbadna t-taxxa fuq il-paga minima u ħlifna li dik qatt ma terġa’ tkun, qatt ma jerġa’ jkun hemm taxxa fuq il-paga minima nazzjonali.
Il-Prim Ministru Robert Abela
Hawnhekk semma wkoll kif eluf kbar ta’ ħaddiema li jaħdmu fiċ-ċivil ingħataw ftehim kollettiv ġdid, b’pagi u kwalità ta’ xogħol aħjar. Dan filwaqt li dan il-pajjiż għandu ekonomija li trendi sitt darbiet akbar mill-medja tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt il-Prim Ministru semma l-okkażjoni straordinarja għall-Malta Vision 2050 b’direzzjoni għall-futur ta’ pajjiżna u wliedna.
Dr Abela temm jgħid li bil-poplu warajna, dejjem se jirbaħ is-sewwa u b’kull ġurnata dejjem se nibqgħu inġeddu Malta pajjiżna.
Nibqgħu nemmnu f’dan il-ġawhra ta’ pajjiż li għandna, nemmnu b’futur aqwa. Maqgħudin flimkien ħadd mhu se jwaqqafna. Maqgħudin flimkien ħadd mhu se jirbħilna. Poplu b’qalb kbira, lilkom irridu warajna biex kull ġurnata inwettqu aktar u aktar biex jirbaħ is-sewwa, biex inġeddu Malta Pajjiżna. Grazzi minn qalbi.
Il-Prim Ministru Robert Abela