Fiduċja li ninvestu biex ikollna pajjiż isbaħ u li jilħaq mal-aspirazzjonijiet ta’ kull wieħed u waħda minnha.
Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru u l-Mexxej Laburista, Robert Abela waqt li kien qiegħed jindirizza attività politika fiċ-Ċentru Laburista tal-Imsida hekk kif kien qed jiġi intervistat mill-Kap tal-Aħbarijiet ta’ ONE, Sandro Mangion.
Fl-interventi tiegħu, il-Mexxej Laburista kien qiegħed jindirizza mistoqsijiet dwar is-suq tax-xogħol f’pajjiżna, partikolarment dak li jolqot iż-żgħażagħ u l-isfidi fir-riżors uman xprunati mit-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna.
Fl-Imsida, il-Prim Ministru sostna l-importanza li Gvern Laburista jagħti lill-apprentistat hekk kif dan joħloq ħaddiema ta’ aktar valur fis-suq tax-xogħol b’esperjenza fil-qasam li jkunu qegħdin jistudjaw fih.
B’rabta ma’ dan il-Prim Ministru sostna kif il-Gvern se jkun qiegħed jieħu azzjoni biex ikompli jtejjeb il-kwalità tal-apprentistat b’mod speċjali dak mogħti mill-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST.
Fil-preżent dawk iż-żgħażagħ li jattendu għall-apprentistat jirċievu ekwivalenti għal paga minima meta jkun hemm inkluż ukoll l-istupendju u l-għotja mill-Gvern.
Iżda, il-Prim Ministru stqarr kif dan m’huwiex biżżejjed hekk kif l-istudent jixraqlu li jkun inċentivat aktar biex jagħżel korsijiet ta’ dan it-tip li jippreparawh aktar għad-dinja tax-xogħol.
“Tlaqna mill-punt illi le, l-istudenti tagħna jixraqilhom aktar u li s-sistema eżisteni m’hijiex biżżejjed biex tinċentiva aktar lill-istudenti tagħna biex iva jagħżlu korsijiet u tagħlim illi jinvolvi fih l-apprentistat.”
Għalhekk, il-Mexxej Laburista ħabbar kif l-istudenti tal-MCAST se jkunu qegħdin jirċievu l-kumpens tax-xogħol tagħhom bħala apprentisti.
“Il-bidla kif se tkun issa hija li min hu intitolat għall-istipendju, l-istipendju se jżommu kollu u sħiħ, min hu intitolat għall-grant flimkien mal-istipendju dak l-ammont se jibqa’ sħiħ u jiġi riċevut minn kull student. Imma imbagħad għal kull siegħa ta’ apprentistat illi inti taħdem se tkun qiegħed titħallas fl-ammont sħiħ li huwa ekwivalenti għal paga minima nazzjonali.”
Dan ser ifisser li se titwettaq wegħda elettorali oħra, tal-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ li titkellem dwar it-tisħiħ tal-istudji vokazzjonali u t-tisħiħ tal-apprentistat.
B’hekk din il-miżura se tkun qed tolqot mal-elf student li flimkien se jirċievu mas-sitt mitt elf ewro.
Il-Prim Ministru kompla jispjega kif din il-miżura se tkun qed taffettwa lill-istudent.
“Ejja nieħdu student tal-ewwel sena li jiddeċiedi illi jaħdem is-sitt mitt siegħa kollha tal-apprentistat, dak l-istudent se jkollu żieda f’dak li jkun qiegħed jirċievi ta’ elf ewro fis-sena. Fil-prattika dik li se tkun qed tfisser għall-istudenti tagħna. U dawn huma allura l-implimentazzjoni ta’ dawk il-wegħdi li jiena nemmen li jagħmlu differenza tanġibbli mhux biss biex nindirizzaw il-problema tan-nuqqas tar-riżorsa umana imma wkoll lil dak l-istudent li inti tellajtlu l-kwalità tal-ħajja tiegħu ‘l fuq anki waqt li jkun qiegħed fil-perkors tal-istudji tiegħu.”
Abela appella wkoll lill-industrija biex tkompli ttejjeb l-apprentistat ukoll flimkien mal-għajnuna li jagħti l-Gvern.
Il-Prim Ministru temm l-intervista tiegħu billi stqarr kif il-fiduċja fiż-żgħażagħ u fil-poplu tiegħu hija importanti għal Gvern Laburista.
“Hekk jixraq lil pajjiż modern, lil pajjiż jilħaq l-aspettativi ta’ dawk kollha illi jgħixu ġo fih, pajjiż isbaħ, pajjiż b’saħħtu, pajjiż illi joffri kwalità ta’ ħajja aħjar lil kull min jgħix ġewwa fih.”