Il-valur totali tal-applikazzjonijiet għall-ħruġ tas-62+ Saving Bonds li ħareġ il-Gvern, kien ta’ ftit anqas minn €134 miljun.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Finanzi ħabbar li sad-data tal-għeluq, għand it-Teżor daħlu applikanti ġodda u applikanti li diġà għandhom xi bonds tas-62+.
L-ammont awtorizzat tal-ħruġ kien ta’ €65 miljun u kien soġġett li l-ammont jiżdied sa massimu ta’ €35 miljun oħra.
L-applikazzjonijiet tal-applikanti ġodda se jiġu aċċettati kollha filwaqt li l-porzjon li jibqa’ se jitqassam ma’ applikanti li diġà għandhom bonds.
Il-porzjon ta’ bonds li jibqa’ se jitqassam skont mekkaniżmu li se jitħabbar iżjed ’il quddiem.
Dawn il-bonds se jkunu qegħdin jagħtu dħul tajjeb tul il-kors tal-investiment lil numru sostanzjali ta’ anzjani.
Dan hekk kif din l-iskema toffri rata vantaġġjuża ta’ imgħax ta’ 3%.
Id-domanda għolja għal dawn il-bonds turi wkoll fiduċja fil-Gvern.