“Fiduċja f’pajjiżna: twemmin li jispirana f’kull deċiżjoni li nieħdu”.
Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, f’attività politika fiż-Żejtun, li f’diskors ċar semma kif fl-aħħar tliet snin, bid-deċiżjonijiet li ħa, dan il-Gvern dawwar bosta sfidi f’opportunitajiet.
Fiduċja f’pajjiżna. Din mhix xi slogan għalina imma twemmin illi jispirana f’kull deċiżjoni li nieħdu. Tmexxija ta’ pajjiż tfisser ħafna deċiżjonijiet li jridu jittieħdu ta’ kuljum, deċiżjonijiet li ġabu sfidi f’dawn l-aħħar 3 snin illi ma kinux żgħar… Tgħallimna li, bid-deċiżjonijiet it-tajba, meta naħdmu lkoll flimkien, kwalunkwe sfida, kbira kemm hija kbira, tista’ ddawwarha f’opportunità għall-pajjiż.
Il-Prim Ministru Robert Abela
Quddiem folla sabiħa li, minkejja l-kesħa u x-xita, inġabret fiċ-Ċentru Laburista taż-Żejtun, Dr Robert Abela qal li waħda mill-ewwel biċċiet xogħol kbar li kellu quddiemu fuq il-mejda meta sar Prim Ministru kien l-għeluq tan-negozjati għall-pakkett ta’ Fondi Ewropej tas-seba’ snin li ninsabu fihom bħalissa.
Fil-fatt, hawnhekk huwa għamel referenza għal kif il-gvern Laburista mmexxi minnu rnexxielu jinnegozja l-akbar pakkett finanzjarju fl-istorja ta’ pajjiżna u kif, it-Tnejn, il-pajjiż jitlaq għal għonq it-triq biex jintużaw dawn il-fondi.
Għada se jkun hawn fostna l-ogħla uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea, fejn flimkien f’diskussjoni magħhom f’dawn l-aħħar xhur irnexxielna nagħlqu pakkett ta’ kif se nkunu qed ninvestu dawn il-fondi. Kien eżerċizzju li kien jinvolvi ħafna dettall fuq livell tekniku u nista’ ngħid li għada se nkunu qed niċċelebraw din il-kisba ġdida għal pajjiżna. imbagħad nitilqu għal għonq it-triq u b’dawn l-elfejn u mitt miljun ewro li ġibna f’Fondi Ewropej nistgħu nagħmlu tant u tant proġetti ta’ fejda għal pajjiżna.
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru rrimarka li, minkejja li sab it-tfixkil tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, il-Gvern wieġeb b’kuraġġ u rnexxielu jinnegozja pakkett finanzjarju ta’ aktar mid-doppju li kienu ġabu fl-2012.
Kull meta qalulna li ma stajniex naslu, illi ma kellniex il-ħiliet li naslu, li meta ffaċċjawna bil-qtigħ il-qalb, dejjem weġibnihom b’kuraġġ. Dejjem weġibna b’fiduċja f’pajjiżna u dik il-fiduċja sarrafniha f’riżultati li llum qed igawdi minnhom kulħadd.
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dwar il-Fondi Ewropew, il-Prim Ministru qal li l-ewwel prijorità se tkun il-kompetittività, li twassal biex l-ekonomija Malta tkompli tissaħħaħ u b’hekk tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
L-ewwel prijorità tibqa’ dik li nżommu lil pajjiżna kompetittiv. Pajjiżna mhux f’kompetizzjoni f’tellieqa waħdu, imma f’tellieqa mal-Istati Membri kollha tal-UE, ma’ pajjiżi oħra madwar id-dinja, sabiex iġib l-aqwa investiment lejn pajjiżna. Qegħdin f’qagħda li nżidu l-pensjonijiet, childrens allowance, childcare b’xejn għal kulħadd, li nagħtu trasport pubbliku b’xejn, li nżommu servizz ta’ saħħa b’saħħtu, li nżommu edukazzjoni b’saħħitha proprju għaliex pajjiżna qed jibqa’ jattira lejn investiment ta’ kwalità.
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela qal li l-ikbar nefqa trid tmur f’oqsma li jsebbħu lil pajjiżna, jew inkellha f’titjib tas-servizzi. Dan japplika wkoll għall-proġetti infrastrutturali li tħallew fuq l-ixkaffa sa mis-snin sittin u li tlestew fl-aħħar xhur u snin biex l-infrastruttura wkoll tlaħħaq mal-aspirazzjonijiet tal-pajjiż.
It-tieni prijorità li semma l-Prim Ministru ddur mal-ħtieġa li pajjiżna jwettaq it-trasformazzjoni ħadra u diġitali.
Fi tmiem diskors b’saħħtu, Robert Abela qal kif il-Gvern se jibqa’ jaħdem u jinvesti f’pajjiżna.
Għalhekk se nibqgħu naħdmu: biex ninvestu fis-sigurtà ta’ pajjiżna, biex ninvestu fl-ambjent ta’ pajjiżna, biex ninvestu fl-oqsma soċjali ta’ pajjiżna, biex ninvestu fil-prijoritajiet il-ġodda tal-pajjiż. Għax meta nilħqu dawk l-għanijiet flimkien, inżommu b’saħħitha l-fiduċja f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru Robert Abela