Fl-għeluq ta’ din il-ġimgħa se ssir il-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista. It-tema użata għal din il-konferenza hija ‘Fiduċja f’Pajjiżna.’
Il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard spjegat kif din it-tema hija mnebbha mit-tema użata fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista – Malta Flimkien u jixhdu l-istabbilta’ ta’ pajjiżna fi sfond ta’ kriżijiet internazzjonali.
“Fiduċja f’pajjiżna għax bħala Malta Flimkien nafu li l-isfidi nistgħu nagħmluhom kisbiet, u fiduċja f’pajjiżna għax minkejja kollox għandna l-inqas rata ta’ qgħad, l-investiment għadu ġej, it-tkabbir ekonomiku, skont rapporti internazzjonali jiżboq il-medja Ewropea, iżda fiduċja f’pajjiżna fuq kollox, għax għandna tmexxija li toffri ċertezza u stabbilità.”
Il-President tal-Partit Laburista spjegat kif il-Konferenza Ġenerali Annwali se tkun imqassma fuq jumejn. Il-Ġimgħa, 18 ta’ Novembru fis-18:00 se ssir l-ewwel sessjoni plenarja fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista bl-indirizz tad-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne u d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Daniel Micallef.
L-għeluq tal-Konferenza Ġenerali Annwali se jsir Is-Sibt, 19 ta’ Novembru fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista b’diskors tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela.
Ramona Attard sostniet kif kull min jattendi se jkun qed jistenna jumejn ta’ aktar viżjoni min-naħa tal-Partit Laburista, liema viżjoni twassal f’ħidma u riżultati għall-benefiċċju tal-poplu Malti u Għawdxi.