Fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Chris Cardona, laqa’ l-membri tal-Korp Diplomatiku u tkellem dwar Malta li qed tagħmel suċċess.
“Għandna rata ta’ tkabbir ekonomiku li tiżboq dik f’ħafna pajjiżi Ewropej u l-inqas rata ta’ qgħad. Għandna l-pajjiż li qed fuq quddiem fl-Ewropa,” qal bi kburija d-Deputat Mexxej Cardona li fakkar kif il-pajjiż ifittex l-investiment il-ħin kollu.
“Aħna impenjati li nisimgħu u naġixxu fejn meħtieġ, biex inħarsu u ninkoraġġixxu l-investiment u l-impjiegi,” żied Cardona li fakkar kif Malta toffri stabbiltà politika, filwaqt li tinvesti fit-teknoloġija.
Chris Cardona tkellem dwar l-isfidi li għaddejja minnhom id-dinja. Fost oħrajn is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofshani u l-Afrika ta’ Fuq li magħha ġġib il-kwistjoni tal-immigrazzjoni. Hawn fiehem l-irwol li tilgħab Malta, fejn emfasizza kif filwaqt li hemm pressjonijiet wieħed irid jiftakar li f’dan il-każ qed nitkellmu dwar nies u mhux numri.
Temi oħra kienu l-Commonwealth u n-netwerk internazzjonali ta’ ambaxxati li għandha Malta u li permezz tagħhom trid tkompli tibni relazzjonijiet, tiddentifika opportunitajiet u saħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta madwar id-dinja.