Appoġġ qawwi mill-kollegi parlamentari ta’ Josianne Cutajar bħala n-negozjatriċi tal-pożizzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu dwar ir-Regolament għall-Kiri għal Żmien Qasir u tal-Kumitat tal-Industrija u t-Teknoloġija dwar l-Att Ewropew għall-Interoperabbilta’ f’żewġ kumitati differenti, hekk kif il-Parlamentari Ewropej Maltija, rċeviet riżultat b’saħħtu ta’ fiduċja f’ħidmietha.
Fis-sessjoni ta’ votazzjoni fil-Kumitat TRAN, il-President tal-istess Kumitat saħansitra awgurat lil Dr. Cutajar li uriet ħila b’saħħitha ta’ ħolqien ta’ kunsens fost il-gruppi politiċi kollha, hekk kif irnexxiela tikseb unanimità kważi effettiva fil-vot dwar is-Short Term Rentals.
Josianne Cutajar mexxiet ’il quddiem diversi punti importanti b’rabta mat-tfassil ta’ regolamenti għal dan is-suq t’akkomodazzjoni li qiegħed jikber b’rata mgħaġġla f’pajjiżna u lil hinn. Hija saħqet li privileġġ għaliha li taħdem favur il-ħolqien ta’ ekosistema bbilanċjata fis-settur, għall-benefiċċju tat-turisti u l-konsumaturi, tal-ospitanti kif ukoll tar-residenti.
Hija nsistiet fuq ħarsien bilanċjat b’obbligi importanti ta’ trasparenza u qsim tad-data u informazzjoni b’rabta ma’ dawn il-kirjiet għal żmien qasir. Hi żgurat l-importanza li r-regoli applikabbli jkunu faċilment disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea u li l-proċess ta’ reġistrazzjoni jkun wieħed faċli, mingħajr ħlas jew bi spiża minima. Hija saħqet li din il-liġi għandha tiżgura li l-benefiċċji tal-ekonomija diġitali jkunu akkumpanjati b’responsabbiltajiet li jiggarantixxu prodott turistiku ta’ kwalità, li jħaddan is-sostenibbiltà u li jkun wieħed ta’ rispett lejn il-komunitajiet lokali.
Fejn tidħol il-ħidma dwar il-liġi tal-interoperabbiltà, Dr Cutajar sostniet li l-futur tas-servizzi pubbliċi jinsab fid-diġitalizzazzjoni u l-kommunikazzjoni effettiva tagħhom flimkien, fit-tnaqqis tal-piż amministrattiv u fl-aċċess ugwali u faċilitat għal kulħadd. Hija qalet li tinsab kunfidenti li dawn il-bidliet leġiżlattivi ser jiffaċilitaw ferm l-aċċess online għas-servizzi pubbliċi fil-pajjiżi differenti tal-Unjoni Ewropea, b’benefiċċju kemm għaċ-ċittadini u anke għan- negozji tagħna.
Bħala parti minn ħidmietha, Cutajar aċċertat li jkun hemm riferenza għall-importanza li jiġu rikonoxxuti r-realtajiet ta’ żoni b’konnettività aktar baxxa, bħall-gżejjer, u wkoll li jkun hemm investiment fil-ħiliet u t-taħriġ tal-ħaddiema tas-settur pubbliku f’dan il-qasam.
Josianne Cutajar saħqet li tħares ’il quddiem għal aktar ħidma favur ambjent diġitali ġust, kompetittiv u sostenibbli.
Hija tkellmet ukoll dwar il-ħidma riċenti tagħha fil-Plenarja ta’ qabel is-sajf fejn giet ivvutata liġi dwar il-fjuwil sostenibbli fil-qasam marittimu.
“Hemmhekk, b’sodisfazzjon kbir, bħala persuna li ġejja minn Għawdex ħdimt b’suċċess emendi li ressaqt ‘il quddiem biex gżejjer bħal Għawdex dipendenti fuq it-transport bil-baħar, ikunu jistgħu jingħataw aktar flessibilita’ ġiet fis-seħħ. Hekk ħa nkunu qed naraw li l-qalba għall-gżejjer bħal Għawdex issir b’tali mod li nagħtu aktar nifs u aktar gżejjer simili. Dan bħala punt ta’ġustizzja soċjali mar-residenti ġejjin mill-gżejjer tagħna.”