Stħarriġ tal-istatistiku Dr Vincent Marmarà ippubblikat fil-gazzetta t-Torċa juri fiduċja b’saħħitha fil-Prim Ministru Robert Abela u distakk ta’ iktar minn 8% bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista li jirriżulta f’madwar 20,000 vot.
L-istħarriġ b’kampjun kbir ta’ elf persuna sar bejn it-13 u l-20 ta’ Ottubru.
Dan juri lill-Mexxej Laburista fdat b’18.2% iżjed mill-Kap Nazzjonalista.
Fil-fatt l-isħarriġ b’margin of error baxx ta’ 3.1% jgħid li Abela għandu fiduċja ta’ 41.3% kontra t-23.1% fi Grech. Il-fiduċja b’saħħitha tal-elettorat fil-Prim Ministru hija xi ħaġa konsistenti minn kemm ilu li sar mexxej tal-Partit Laburista.
Il-gazzetta li qed tippubblika l-istħarriġ tinnota kif dan qed isir tliet snin bogħod minn elezzjoni ġenerali, u tgħid li meta niġu għall-partiti, li kieku kellha ssir elezzjoni għada, il-Partit Laburista jikseb 51.5% filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jikseb 43.1%. L-ADPD u partiti oħra jiksbu mal-5%.
Dan ifisser distakk kbir ta’ 8.4% favur il-Partit Laburista.