Tliet stħarriġiet tal-opinjoni pubblika wrew fiduċja b’saħħitha fil-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
It-tliet stħarriġiet fil-gazzetti wara l-ewwel ġimgħa tal-kampanja elettorali wrew distakk fil-fiduċja bejn iż-żewġ mexxejja li tvarja bejn t-13 u t-38%.
Skont l-istħarriġ tal-Maltatoday, Robert Abela huwa fdat minn 41.9% tal-elettorat kontra d-29% li huwa fdat Bernard Grech.
Fl-istħarriġ fuq it-Torċa tal-istatistiku Dr Vincent Marmarà, il-Prim Ministru huwa fdat minn 22% iżjed mill-Kap Nazzjonalista hekk kif Dr Abela kiseb 52.5% u Bernard Grech kiseb 30.5%.
Dan filwaqt li l-istħarriġ fis-Sunday Times wera fiduċja b’saħħitha ta’ 55% f’Abela u 17% fi Grech, differenza ta’ 38%.
Li kieku kellha ssir elezzjoni għada, is-surveys kollha qalu li l-Partit Laburista jirbaħ l-elezzjoni ġenerali, bil-Maltatoday tgħid li l-Partit Laburista jirbaħ bi kważi 23,000, it-Torċa tistma maġġoranza ta’ 41,000 filwaqt li t-Times tistma distakk ta’ 44,500 vot.
Tnejn mit-tliet gazzetti li kkummissjonaw stħarriġ urew żieda t’appoġġ lejn il-Partit Laburista fuq l-aħħar elezzjoni ġenerali.
Skont l-istħarriġ tal-Maltatoday, Robert Abela huwa fdat iktar f’bosta kategoriji t’età fosthom miż-żgħażagħ u mill-pensjonanti.
Fl-istħarriġ tat-Times, saħansitra l-Prim Ministru huwa fdat minn 60% taż-żgħażagħ kontra l-14% fil-Kap tal-Oppożizzjoni.
L-istħarriġ ta’ Dr Marmarà fit-Torċa mbagħad jinnota li 84% tal-votanti lill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali jafdaw lil Dr Abela filwaqt li huma inqas minn tliet kwarti, jiġifieri 71.4% tal-votanti Nazzjonalisti fl-2017, li jafdaw f’Bernard Grech.
L-istħarriġiet juru wkoll li hemm parti mill-elettorat li mhux tgħid kif se tivvota jew għadha indeċiża.
L-istudji saru lkoll fl-ewwel ġimgħa tal-kampanja elettorali, bl-eċċezzjoni tat-Times li beda jittieħed il-kampjun sa mill-14 ta’ Frar u baqa’ għaddej din il-ġimgħa stess.
L-istħarriġ tat-Times u l-Maltatoday sar fost 600 persuna filwaqt li dak ta’ Dr Marmarà fit-Torċa sar fost elf persuna.