Stħarriġiet ippubblikati fuq il-gazzetti f’għeluq it-tieni ġimgħa tal-kampanja elettorali baqgħu juru fiduċja b’saħħitha fil-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela u l-Partit Laburista.
L-istħarriġ tal-istatistiku Dr Vincent Marmarà fit-Torċa u dak tal-Maltatoday urew li l-fiduċja li jgawdi l-Prim Ministru fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni tiżboq bil-bosta.
Skont l-istħarriġ fit-Torċa, Robert Abela huwa fdat 19.3% aktar minn Bernard Grech.
Dan filwaqt li fil-Maltatoday id-distakk fil-fiduċja bejn iż-żewġ mexxejja huwa ta’ 13.3%.
Skont dan l-aħħar stħarriġ, il-Mexxej tal-Partit Laburista huwa fdat iżjed mill-Kap Nazzjonalista fost il-kategoriji kollha tal-età.
Meta niġu għall-partiti politiċi, id-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista jvarja bejn ftit aktar minn 27,000 u 38,000 vot.
Skont l-istħarriġ tat-Torċa, l-appoġġ lejn il-Partit Laburista żdied b’0.2% fuq ir-riżultat tal-aħħar elezzjoni ġenerali filwaqt li l-Partit Nazzjonalista naqqas 0.7%.
Għal stħarriġ ieħor, Bernard Grech reġa’ kien inqas popolari mill-partit li jmexxi, għall-kuntrarju ta’ Robert Abela.
Intant stħarriġ fit-Times wera li l-elettorat Malti jħoss li l-Partit Laburista jagħti każ iżjed tal-ħtiġijiet tan-nies milli jagħmel dan, il-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt 40% ta’ dawk li wieġbu f’dan l-istħarriġ iħossu li l-Partit Laburista jagħti każ tal-ħtiġijiet tagħhom filwaqt li kienu biss 14% li jħossu li l-Partit Nazzjonalista jifhem il-ħtiġijiet tan-nies.
Il-pensjonanti kienu fost l-aktar li jħossu li l-Partit Laburista jagħti każ iżjed tal-ħtiġijiet tagħhom.
Kważi żewġ terzi ta’ dawk li pparteċipaw f’dan l-istudju sostnew li l-Gvern immexxi minn Robert Abela amministra b’mod tajjeb il-pajjiż, b’bosta jsemmu l-amministrar tajjeb waqt pandemija u anki nnutaw l-andament ekonomiku li baqa’ b’saħħtu.