Stħarriġ ippubblikat fuq il-gazzetta t-Torċa juri fiduċja b’saħħitha fil-Prim Ministru Robert Abela u l-Partit Laburista, b’distakk simili ħafna għal dik tal-aħħar elezzjoni ġenerali, anzi bi ftit żieda.
L-istħarriġ tal-istatistiku ta’ Dr Vincent Marmarà juri li f’għeluq is-sena u nofs mindu Dr Robert Abela ħa t-tmun f’idejh tal-pajjiż u tal-Partit Laburista, u f’perjodu li fih Malta bħall-kumplament tad-dinja affaċċjat pandemija, il-Prim Ministru huwa fdat 18.5% iżjed mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Fil-fatt skont l-aħħar stħarriġ ippubblikat fit-Torċa, Robert Abela huwa fdat minn 51% li wieġbu għal dan l-istħarriġ filwaqt li Bernard Grech huwa fdat minn 32.5%.
Kien hemm 9.4% li ma jafdaw lil ħadd, 5% li qalu li ma jafux, bi 2% qalu li jafdaw oħrajn.
Meta niġu għall-fiduċja fil-partiti politiċi, l-istħarriġ juri li l-Partit Laburista jgawdi distakk ta’ 13.5% fuq il-Partit Nazzjonalista.
Skont Marmarà dan ifisser distakk ta’ 42,000 vot.
Fil-fatt għal dan l-istħarriġ, 55.9% ta’ dawk li wieġbu qalu li se jivvutaw lill-Partit Laburista u 42.4% qalu li se jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista.
L-alleanza bejn l-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku flimkien ma’ partiti żgħar oħra kisbu l-appoġġ ta’ 1.7%.
Dr Marmarà spjega li hemm ċaqliqa żgħira favur il-Partit Laburista u hemm aktar votanti Laburisti li lesti joħorġu jivvutaw f’każ li ssir elezzjoni ġenerali għada.
Fil-fatt skont dan l-istħarriġ il-Partit Laburista żied id-distakk fuq l-aħħar elezzjoni ġenerali bi kważi 1% u l-Partit Nazzjonalista naqqas b’1.3% fuq l-aħħar elezzjoni ġenerali ta’ erba’ snin ilu.
92.5% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-elezzjoni tal-2017 lesti jerġgħu jivvutaw lill-Partit Laburista.
Hemm 0.3% ta’ votanti Laburisti fl-elezzjoni tal-2017 li lesti jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista.
Dan kontra l-Partit Nazzjonalista li hemm 83.3% ta’ votanti Nazzjonalisti fl-elezzjoni tal-2017 li lesti jerġgħu jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista.
Dan filwaqt li hemm 1.8% tal-votanti Nazzjonalisti fl-2017 li lesti issa jivvutaw lill-Partit Laburista.
Notevoli wkoll li 4.1% ta’ votanti Nazzjonalisti fl-aħħar elezzjoni ġenerali jafdaw lil Robert Abela u mhux lil Bernard Grech.
Dan kontra ż-0.3% ta’ votanti Laburisti fl-aħħar elezzjoni ġenerali li jafdaw lil Bernard Grech.