Id-differenza fil-fiduċja fost l-elettorat, bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech hija ta’ 28%.
Dan skont l-ewwel stħarriġ tal-gazzetta MaltaToday minn wara r-riżultat tal-aħħar elezzjoni ġenerali.
Fl-istħarriġ tal-MaltaToday, li sar bejn is-sittax ta’ Mejju u l-25 ta’ Mejju, irriżulta li l-Prim Ministru Robert Abela qed igawdi minn 51.3% tal-fiduċja tal-elettorat.
Dan filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kiseb l-agħar riżultat tiegħu minn Settembru tal-2020 lil hawn, hekk kif kiseb biss 23.6% tal-fiduċja.
L-istħarriġ juri wkoll kif il-Prim Ministru Robert Abela, jgħaddi lill-Kap Nazzjonalista f’fiduċja bejn nisa u rġiel, f’kull kategorija t’età u f’kull reġjun tal-pajjiż minbarra wieħed.
Il-Prim Ministru jgawdi wkoll mill-fiduċja ta’ 97% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni igawdi biss 65.1% tal-fiduċja ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista f’Marzu li għadda.
Bejn dawk li għandhom 16 u 35 sena, il-Prim Ministru Robert Abela jgawdi minn 46.3% tal-fiduċja filwaqt li hawn, Bernard Grech kiseb biss 22%.
Il-Prim Ministru jgawdi wkoll fiduċja b’saħħitha bejn dawk li għandhom 36 u 50 sena, b’riżultat ta’ 55.5%. Hawnhekk Bernard Grech kiseb l-agħar riżultat tiegħu f’din il-kategorija t’età, b’fiduċja ta’ 13.8% biss.
Fuq bażi regjonali l-aqwa riżultati ta’ fiduċja fil-Prim Ministru inkisbu fir-reġjuni tal-Punent u n-Nofsinhar. Hawn Robert Abela għandu fiduċja ta’ 66.3% u 62.8% rispettivament.
Minn naħa l-oħra l-agħar riżultati għal Bernard Grech fuq bażi reġjonali huma fir-reġjun tal-Punent u f’dak t’Għawdex. Hawn il-Kap jinżel saħansitra taħt l-10% hekk kif fir-reġjun tal-Punent kiseb fiduċja ta’ 3.6% biss tal-elettorat. Fir-reġjun t’Għawdex huwa kiseb fiduċja ta’ 8.3% tal-elettorat.
Intant, l-istess stħarriġ juri li l-Partit Laburista qed igawdi minn vantaġġ ta’ 15-il punt perċentwal fuq il-Partit Nazzjonalista.
Dan hekk kif il-Partit Laburista qed igawdi minn kważi 44% tal-fiduċja fl-elettorat filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb fiduċja ta’ 28.8%.
Hawn ukoll, il-Partit Laburista jgħaddi lill-Partit Nazzjonalista f’kull kategorija t’età u anke fost votanti nisa u rġiel. Fost il-pensjonanti, il-Partit Laburista kiseb fiduċja ta’ kważi 50% filwaqt li fost votanti żgħażagħ kiseb fiduċja ta’ 39.1%. Hawnhekk il-Partit Nazzjonalista kiseb fiduċja ta’ 21.3%.
Fuq bażi reġjonali, il-Partit Laburista kiseb fiduċja ta’ 54.3% fir-reġjun tal-Punent. Hawnhekk, l-istħarriġ tal-MaltaToday jindika li l-Partit Nazzjonalista għandu fiduċja minima li ma tistax tiġi kkwantifikata.
Fir-reġjun t’Għawdex il-Partit Laburista kiseb 51.2% tal-fiduċja tal-elettorat filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 9.8% tal-fiduċja.