Din is-sena, id-Drama Group San Sebastjan qed ifakkar il-25 anniversarju mit-twaqqif tiegħu. Proprju fis-sena 2004, fl-okkażjoni tas-sittin sena mill-ewwel proċessjoni fit-toroq tal-festa titulari, minbarra d-dramm tal-Ġimgħa Mqaddsa li kien sar sinonimu mal-kalendarju Qormi, f’perjodu ta’ ftit ġimgħat, fuq xewqa tal-eks kappillan tal-parroċċa Dun Walter Cauchi, ittella’ għall-ewwel darba d-dramm dwar il-ħajja ta’ San Sebastjan Martri.
Id-dramm, ‘Fidi’ għandu kitba u direzzjoni ta’ Shaun Formosa u se jlaqqana iktar mill-qrib tal-qaddis Sebastjan, filwaqt li l-awtur nisseġ l-element modern mal-istorja tiegħu. Flimkien se nassistu għat-tfulija, iż-żgħożija tiegħu bħala kap tal-gwardja pretorjana, iżda iktar minn kollox, ix-xogħol li wettaq qrib l-Insara u l-pagani ta’ żmienu.
San Sebastjan Martri – X’sinifikat jista’ jkollu għalina fil-ħajja tal-lum? X’messaġġ irid iwasslilna? Li niddefendu l-fidi fil-ħajja tal-lum bħal fi żmien li għix San Sebastjan, mhux faċli. Dan il-qaddis jgħallimna li f’din il-persekuzzjoni moderna għandna nkunu sodi u nitgħallmu ngħarrfu t-tajjeb mill-ħażin u ma nistħux inwarrbu l-ħażin u nħaddnu t-tajjeb.
Wieħed irid japprezza li din il-ħidma kollha titwettaq b’mod volontarju u l-membri joffru l-ħin, il-kapaċitajiet u l-enerġija tagħhom mingħajr ma jistennew xejn lura. Wara produzzjoni bħal din, ikun hemm ħafna xogħol volontarju li jieħu x-xhur sabiex l-udjenza tkun tista’ tgawdi din ir-rappreżentazzjoni.
Dan id-dramm se jittella’ nhar it-Tnejn 3 u t-Tlieta 4 ta’ Lulju fit-8:30 ta’ filgħaxija, fiċ-Ċentru Parrokkjali San Sebastjan Ħal Qormi. Sabiex tinkiseb iktar informazzjoni u jinxtraw biljetti, wieħed jista’ jagħmel kuntatt mad-Drama Group San Sebastjan permezz tal-paġna tal-grupp fuq Facebook jew billi jċempel fuq 79092963.