F’kommemorazzjoni għal Jum il-Mara, il-fondazzjoni FIDEM organizzat l-ewwel konferenza tagħha bil-għan li jingħaqdu esperti ewlenin dwar kwistjonijiet b’rabta mal-ġeneru, l-edukazzjoni, il-vjolenza domestika u l-inforzar tal-liġi.
Il-Jum Internazzjonali tal-Mara, iċċelebrat globalment kull sena fit-8 ta’ Marzu, jitlob sforz kollettiv għal aktar ugwaljanza bejn is-sessi, ħielsa minn kull preġudizzji u diskriminazzjoni.
Dr Sabine Agius Cabourdin mill-fondazzjoni spjegat li l-edukazzjoni hi ċ-ċavetta biex tingħeleb l-inugwaljanza bejn is-sessi u l-pedament li fuqu jinbnew il-pilastri soċjali bir-rispett u l-inklussività.
Hi aċċennat li, globalment, mara minn kull tlieta sofrew xi tip ta’ abbuż tul ħajjithom.
Il-konferenza inkludiet numru ta’ persuni, li tkellmu dwar l-esperjenzi qarsa li għaddew minnhom b’rabta ma’ abbuż u issa qed jgħixu ħajja ġdida u indipendenti.