Philippa Busuttil, akkumpanjata mill-kowċ Dario Santacroce, rrappreżentat lil Malta fis-sitt edizzjoni tal-Mediterranean Artistic Gymnastics Championships. Dan l-avveniment prestiġjuż sar f’Istanbul, it-Turkija, bejn l-20 u t-22 ta’ Ottubru, 2023. Din kienet it-tieni darba li Philippa pparteċipat f’dawn il-kampjonati tal-ġinnastika aristika, organizzati minn Comegym.
F’dan il-Kampjonat ħadu sehem ġinnasti maskili u femminili mill-iskwadri nazzjonali ta’ l-Italja, t-Turkija, l-Eġittu, l-Alġerija, Ċipru, u l-Gordan.
Fis-sessjoni ta’ kwalifikazzjoni, Philippa kellha kompetizzjoni qawwija specjalment mill-ginnasti Taljani u Torok, fejn dawn il-pajjizi kienu qeghdin jikkompetu b’tim ta’ tliet ġinnasti promettenti. Minkejja l-kompetizzjoni qawwija, Philippa rnexxiela tilhaq is-sitt post fost disgha partecipanti, u b’hekk tassigura post fil-finali tal-Balance Beam, Uneven Bars u Floor.
Kienet propju l-eżekuzzjoni eċċellenti fil-Balance Beam, li biha Philippa rebħet il-medalja tal-fidda b’ 0.4 punti biss il-bogħod mill-medalja tad-deheb. Dan huwa suċċess importanti għal Philippa, li fl-edizzjoni tas-sena ta’ qabel kienet 0.1 punt biss il-bogħod milli tirbaħ medalja tal-bronż fuq il-Balance Beam u l-Floor.
Dan is-suċċess huwa mument storiku għall-ġinnastika f’Malta meta Philippa Busuttil saret l-ewwel ġinnasta Maltija li takkwista medalja fil-Mediterranean Artistic Gymnastics Championships. Din il-medalja tal-fidda hija sinifikanti ħafna għall-ġinnastika f’Malta u għal Federazzjoni Maltija tal-Ġinnastika u tissimbolizza l-potenzjal li l-ġinnasti Maltin għandhom fil-kamp internazzjonali.