Fl-aħħar ġurnata jew aħjar fl-erbatax il-jum tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker f’Albufiera, l-Portugal il-qofol kienet il-finali tal-kategorija tat-timijiet tal-irġiel fejn wieħed miż-żewġ finalisti kien it-tim Malta 1 kompost minn Aaron Busuttil u Chris Peplow.
F’finali li ħadet aktar minn tliet siegħat, il-Maltin tilfu il-ħames u l-frame deċisiv kontra l-Ukranja 1 li kien magħmul minn Denys Khmelevskyi u ż-żgħażugħ Iulian Boiko li llum għandu 19-il sena pero’ ta’ 14-il sena kien sar l-iżgħar player li qatt qaleb bħala professjonali tas-snooker u ħa sehem fil-World Snooker Tour fl-istaguni 2020/21 u 2021/22. Matul din l-edizzjoni Kampjonat Ewropew tas-Snookerli saru fl-aħħar ġranet, Boiko rebaħ wkoll il-kompetizzjoni tax-shoot-out fejn fil-kwarti finali kien elimina lil veteran Malti Alex Borg.
Waqt din il-finali t-tim Malti rebaħ l-ewwel frame iżda l-Ukreni rebħu ż-żewġ frames suċċessivi, b’Busuttil u Peplow jirrispondu mill-ewwel biex jisfurżaw il-ħames u l-aħħar frame.
Fil-ħames frame ż-żewġ timijiet għal ħafna ħinijiet għażlu li jilagħbu logħob defensiv u meta kien jonqos tliet boċċi ħomor Malta 1 rreduċew l-iżvantaġġ għal erba’ punti biss. Wara li Peplow, b’kolp fit-tul, naqas li jippottja waħda mill-aħħar żewġ boċċi ħomor jew jiddefendi aktar l-boċċa l-bajda, Khmelevskyi fil-kolp suċċessiv irnexxielu għamel ħamra li ma kienetx daqstant faċli u minn hemm il-quddiem l-Ukreni ħadu l-kontroll u b’mini break ta’ 28 punt għalqu u rebħu l-finali, bil-punteġġi tal-ħames frames ikunu 66-53, 25-74, 21-65, 64-19 u 27-64.
Wara l-finali, l-President tal-European Billiards & Snooker Association, Maxime Cassis, għamel l-preżentazzjoni lir-rebbieħa fosthom lil Aaron Busuttil u Chris Peplow bħala r-runners up ta’ din l-edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker tat-timijiet tal-irġiel.