Se jkun qed jiġi estiż is-servizz ta’ għajnuna psikoloġika lill-anzjani fil-komunità b’xejn. Dan permezz ta’ ftuħ ta’ tliet kliniċi ta’ psikoterapija, li ser jinfetħu fl-Imtarfa, Birkirkara u ż-Żurrieq.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Anzjanita Attivà Michael Farrugia, li qal kif is-sena l-oħra dan is-servizz beda jingħata fid-djar tal-anzjani.
Il-Ministru Farrugia qal kif mis-sena l-oħra, madwar 250 anzjan għamlu użu minn dan is-servizz.
Semma wkoll kif ix-xahar li għadda, mija u tmintax-il anzjan kienu qed jagħmlu użu minn dan is-servizz, hekk kif issa tneħħew iżjed miżuri restrittivi.
Qal, “Bdejna bis-servizz li kien qiegħed jingħata fid-djar tal-anzjani, issa se nkunu qed nestenduh għall-anzjani li jgħixu fil-komunità. Imma nafu wkoll li apparti l-anzjani, il-qraba tagħhom, speċjalment dawk li jkunu viċin ħafna tagħhom jgħaddu wkoll minn ċertu problemi.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Renzo De Gabriele qal kif dan is-servizz se jkun qed jingħata wkoll lill-qraba tal-anzjani.
Spjega, “Ikollhom xi problemi relatati mal-Covid, kienu iżolati, ma kellhomx kuntatt, kellhom is-solitudni ħa jkunu jistgħu jaċċessaw dan is-servizz, b’servizz ta’ psikoterapisti li huma professjonisti f’dan il-qasam, li jistgħu jagħtuhom, siegħa terapija individwali, siegħa terapija fi gruppi.”
Dan l-istazzjon tkellem ma’ żewġ psikoterapisti, b’waħda minnhom qaltilna kif se jgħinu lill-anzjani sabiex jissoċjalizzaw wara li kienu msakkra fid-djar tal-anzjani.
Wieħed jista japplika fuq is-sit activeageing.gov.mt jew minn formola li tinġabar mill-Kunsilli Lokali.