Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar id-deal fuq l-art ta’ Spinola, li l-Gvern spiċċa tilef minnha mijiet ta’ eluf ta’ ewro, isemmi kemm-il darba kif ma setax jistabilixxi ċerti fatti minħabba n-nuqqas ta’ dokumenti u traċċi ta’ kif saru l-affarijiet.
Iżda f’waħda mill-konklużjonijiet tiegħu, jagħmilha ċara li fid-deċiżjoni aħħarija ta’ kif kellu jsir it-trasferiment tal-art, kien hemm l-involviment tal-Ministru. “Dan l-uffiċċju kien limitat minħabba n-nuqqas ta’ dokumentazzjoni dwar dan l-istadju importanti tal-proċess,” jgħid l-Awditur, meta ġie biex jinnota l-mument fejn ittieħdet id-deċiżjoni ta’ kif kellu jsir it-trasferiment tal-art. Iżda jżid li hemm “indikat element ta’ involviment ministerjali, għaliex kien wara laqgħa mal-Ministru, il-Kap tas-Segretarjat u s-Segretarjau Permanenti li kien rakkomandat li tinbigħ l-art.”
Dan kollu jsir iktar serju f’kuntest fejn fl-iktar mumenti kritiċi tal-proċess, dan ma kienx dokumentat. “L-NAO innotat in-nuqqas ta’ dokumentazzjoni,” kienet is-sentenza miktuba iktar minn darba fir-rapport. “L-NAO ma setax jiddetermina kif il-gvern ħa d-deċiżjoni li jneħħi l-proprjetà wara li l-Qorti ddeċidiet favurih,” kompla jingħad f’dan wieħed minn sensiela ta’ ħames rapporti li jitfgħu dawl dwar kif Jason Azzopardi kien imexxi d-Dipartiment tal-Artijiet.
“Bin-nuqqas ta’ dokumentazzjoni, l-NAO kien marbut li joqgħod dwar dak li ntqal fil-laqgħat,” qal l-Awditur Ġenerali li fir-rapport tiegħu jgħid ukoll li kien hemm ġudizzju ħażin meta l-Ministru responsabbli iddeċieda li l-art tinbiegħ lill-dawk li kienu responsabbli ta’ abbuż fuqha.
“Kien hemm nuqqas ta’ trasparenza totali,” jgħid l-awditur f’partijiet oħra tar-rapport li bħal oħraj qablu jikkundannaw il-mod kif art pubblika b’valur miljunarju spiċċat għand il-privat fi proċess jinten minħabba l-mod kif żviluppa.