In-nuqqas ta’ Joe Ellis fid-dibattitu dwar il-Governanza fil-Parlament kompla jkabbar is-suspetti fih. Dan hekk kif il-kelliem tal-Oppożizzjoni għar-riformi Kostituzzjonali li normalment issibu minn ta’ quddiem jippriedka dwar il-ġustizzja u l-governanza, din id-darba ma tniffisx fid-dibattitu dwar abbozz ta’ liġi mressaq mill-Partit Nazzjonalista. Dan għalkemm id-dibattitu kien marbut ma’ temi li hu responsabbli għalihom hu bħala kelliem ewlieni għar-riformi Kostituzzjonali.
Il-Gazzetta Kulħadd il-Ħadd filgħodu rraportat kif wara dak li rraportat l-istess Gazzetta l-ġimgħa li għaddiet, fid-Dar Ċentrali qed tiġri l-kelma li aħjar ma jitkellimx l-avukat Joe Ellis minħabba dubji li hemm aktar x’jista’ joħroġ dwaru.
Fil-ħarġa tal-ġimgħa l-oħra Ellis inkixef li filwaqt li kien kritiku anke fil-Parlament dwar l-akbar proġett infrastrutturali li għaddej bħalissa f’Għawdex, il-kumpanija tiegħu bil-moħbi kienet qiegħed tipprovdi kwantità ta’ materjal tal-kostruzzjoni għalih.
Jirriżulta li l-kumpanija Gozo Concrete Products Ltd, li Ellis jmexxi ma’ ħutu għandha tagħti ammont konsiderevoli ta’ flus lil diversi kuntratturi Għawdxin. Għaldaqstant, qiegħda taqta’ l-kontijiet li għandha billi tpartat materjali li tipproduċi inkluż il-briks u minflok jinqata’ parti mid-dejn li għandha tagħti. Filfatt il-gazzetta kompliet tirraporta kif il-kumpanija ta’ Ellis diġa ssupplixxiet madwar 50,000 briksa lill-kuntrattur ewlieni li rebaħ is-sejħa tal-offerti, għall-proġett kbir li jmiss mal-konfini ta’ Għajnsielem u n-Nadur. Il-valur ta’ dan il-briks hu stmat li jiswa madwar €50,000.
Minn meta ġew żvelati dawn id-dettalji d-deputat Joe Ellis qatt ma ċaħad l-involviment tal-kumpanija tiegħu fil-proġett.
Ġie rrapurtat kif Ellis uża s-siġġu parlamentari tiegħu biex jistaqsi, jattakka u possibilment jinfluwenza l-andament tal-proġett bi ksur ta’ etika sfaċċat u b’kunflitt ta’ interess lampanti.
Komplew jitqanqlu d-dubji wkoll li Ellis qed juża l-privileġġ parlamentari biex issir pressjoni fuq il-kuntratturi sabiex jużaw il-materjali tal-kumpanija tiegħu. Dan fid-dawl tal-fatt li f’Novembru li għadda hu stess fil-Parlament staqsa lill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri dwar dak li skontu kien dewmien u nuqqas ta’ ppjanar fil-proġett.