Iċ-Ċilì sar l-ewwel pajjiż fl-Amerka Latina li beda jlaqqam lil niesu bir-raba’ doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19, fost żieda fil-każijiet minħabba l-varjant Omicron.
L-ewwel li qed jieħdu r-raba’ doża huma nies b’sistema immunitarja baxxa imbagħad l-invit se jkun estiż għal dawk kollha li għandhom iktar minn 55 sena.
L-infezzjonijiet qed jiżdiedu fil-pajjiżi kollha fil-kontinent, li kien fost l-agħar milquta fl-eqqel tal-pandemija.
Fiċ-Ċilì tlaqqmu biż-żewġ dożi aktar minn erbatax-il miljun persuna li għandhom iktar minn tliet snin, minn fost popolazzjoni ta’ dsatax-il miljun. Madwar ħdax-il miljun persuna diġà tlaqqmu bit-tielet doża.