Ftit ġimgħat wara li nfetaħ ċentru li fih jilqa’ persuni bid-dimensja fl-Imtarfa, l-infermiera u l-familji tal-anzjani ġa qed jaraw il-frott li qed iħalli.
Iċ-ċentru fl-Imtarfa sar b’investiment ta’ ħamsa u sebgħin elf ewro.
Dan huwa l-ewwel tax-xorta tiegħu f’pajjiżna u anke fl-Ewropa, hekk kif dan qiegħed jaqdi l-funzjonijiet tiegħu kemm matul il-ġurnata kif ukoll bil-lejl.
ONE News żar dan iċ-ċentru fejn hemmekk, anke fl-ispirtu tal-Milied, stajna ninnutaw ħaddiema dedikati jaħdmu f’ambjent inklussiv għal tnax-il persuna bid-dimensja.
Tkellimna mal-infermier David Zerafa, li magħna spjega x’attivitajiet isiru ta’ kuljum ma’ dawn l-anzjani sabiex iħalluhom jibqgħu kkonċentrati. “Kemm jista’ jkun l-attivitajiet ikunu familjari li normalment huma jagħmlu d-dar. Xejn speċjali li huma jħossuhom komdi, għandna l-active u passive exercises. Active dawk li huma jħaddmu moħħhom bħal puzzles, eżerċizzji, tisjir u għandek il-passive bħal jaraw it-TV, nuruhom il-quddiesa ta’ kuljum u anke rużarju.”
Kif intqal, dan il-post ġie ddisinjat sabiex kemm jista’ jkun iqarreb l-ambjent ta’ dar bi kmamar bħall-kċina u kamra tas-salott.
Dan is-servizz jingħata mingħajr ħlas bħala inizjattiva biex iservi ta’ appoġġ lill-qraba tal-persuni bid-dimensja.
L-infermier Zerafa żied jgħid li qed ikollhom rispons ferm pożittiv fil-kundizzjoni tal-anzjani. “Meta jaraw li hawnhekk huwa post safe, il-feedback li jkollna wara li jitilqu minn hawnhekk huwa li l-persuna tkun iżjeda attiva d-dar u iżjed ikkonċentrata, b’inqas tidwir u jaraw il-kundizzjoni titjieb.”
Iċ-ċentru ta’ matul il-jum jiftaħ fis-sebgħa u nofs ta’ filgħodu sas-sitta, ta’ filgħaxija, filwaqt li jiġi provdut ukoll is-servizz ta’ matul il-lejl. Intant, dan mhuiex l-unika ċentru f’Malta, hekk kif f’Ħal Safi ġie wkoll inawgurat ċentru ieħor simili għall-persuni bid-dimensja.