Il-Financial Intelligence Analysis Unit tenna l-impenn tiegħu li jikkopera b’mod sħiħ mal-Awtorità Bankarja Ewropea.
Dan wara li fetħet investigazzjoni dwar il-mod kif l-FIAU investiga l-każ tal-bank Pilatus.
L-FIAU fakkar f’diversi miżuri li diġà ħa bil-għan li jiċċara l-fatti meħtieġa; fosthom il-qsim ta’ evidenza tal-attività regolatorja li saret fil-bank, u l-bidliet li saru u qed isiru fil-proċeduri interni.
Passi li bihom l-FIAU qal li jinsab kunfidenti li ma nkisru l-ebda liġijiet.
Minn meta qamu dubji dwar l-operat ta’ Pilatus, saru numru ta’ spezzjonijiet fuq il-post, moniteraġġ tal-istituzzjoni, u kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet ġudizzjarji kemm lokali u internazzjonali.
L-FIAU fakkar kif fid-dawl li pajjiżi Ewropej qed jaffaċċjaw sfida ta’ kriminalità finanzjarja, ħa numru t’inizjattivi biex isaħħaħ il-ġlied tiegħu f’dan l-aspett.
Fosthom żieda fir-riżorsi umani u tekniċi biex jaħdmu fuq superviżjoni, aktar sinerġija mal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, u pariri t’esperti terzi.
Miżuri li jiffurmaw parti minn programm fit-tul li beda minn qabel ma nxteħet dawl fuq il-każ Pilatus, bil-għan li dejjem ikun assigurat li l-FIAU huwa regolatur b’saħħtu u sostenibbli.
Fid-dawl tal-investigazzjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea, l-FIAU laqa’ dan ix-xogħol importanti tal-Awtorità u tenna li se jilqa’ kwalunkwe linji gwidi li jistgħu jgħinu biex il-Unit ikun aktar affidabbli u trasparenti.