Ninsabu mitt jum ’il bogħod milli jiġi adottat charger wieħed komuni għall-apparat teknoloġiku kollu disponibbli fl-Unjoni Ewropea.
Il-miżura rivoluzzjonarja, li se tiffranka chargers differenti għal apparat minn varji ditti u minflok se jibda jintuża charger Type-C, hi riżultat tal-ħidma tal-Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba, li fl-aħħar leġiżlatura wassal għal qbil ma’ kumpaniji internazzjonali u bejn l-istati membri tal-Unjoni Ewropea f’dan ir-rigward, li se tgħin mhux biss liċ-ċittadini kollha, iżda wkoll se tagħti spinta favur l-ambjent b’inqas tniġġis.
Din il-miżura diġà bdiet tiġi implimentata, peress li kull apparat ġdid mill-kumpanija ġganteska Apple qed jiġi prodott biex jaddatta ma’ din il-miżura. Issa, l-Unjoni Ewropea qed testendi l-miżura mit-28 ta’ Diċembru għal kull tagħmir teknoloġiku, inklużi e-readers, earbuds, keyboards u sistemi portabbli ta’ navigazzjoni, li lkoll iridu jkunu jiċċarġjaw permezz taċ-charger Type C.
B’hekk il-konsumatur ikun jista’ juża charger universali mingħajr il-ħtieġa ta’ chargers differenti.
Minbarra hekk, l-inizjattiva qed issir b’għan ambjentali, peress li l-produzzjoni ta’ chargers differenti tinvolvi wkoll proċess twil li jiġġenera ħafna emissjonijiet.
Grazzi għal din il-kisba, Agius Saliba kien imfaħħar internazzjonalment minn għadd ta’ siti tal-aħbarijiet għall-ħidma favur il-konsumatur u l-ambjent u qalu li din se tħalli effetti pożittivi kbar fl-Unjoni Ewropea, anke jekk ġejja minn rappreżentant tal-iżgħar stat membru.