Il-Gvern permezz tal-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis ħabbar kif id-dokumenti fil-Qrati se jkunu qed jinqelbu b’mod diġitali.
Dan hekk kif matul din is-sena, id-dokumenti li hemm fil-Qorti se jkunu skenjati.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li dan il-proċess huwa parti mill-Istrateġija tal-Qalba Diġitali fil-Qrati Maltin, li din saret flimkien mat-tekniċi tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa.
Il-Ministru Zammit Lewis sostna kif dan il-proċess għandu diversi vantaġġi, fosthom dawk li se jkun hemm inqas karti u inqas burokrazija, fost oħrajn.
Qal, “Li qed nagħmlu huwa li jkollna ġustizzja, f’dan il-każ f’proċess kriminali, li jkollna d-dokumenti mhux iktar biss fil-files però skenjati elettronikament available għal Maġistrat, għall-Avukat Ġenerali kif ukoll għad-Difiża u dan biex naslu bil-provi illi jkollna ġustizzja iktar effettiva, aċċessibbli għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, kif ukoll iktar effiċċjenti.”
Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizz tal-Qorti, Eunice Grech Fiorini qalet kif id-dokumenti fil-Qorti se jkunu aktar siguri permezz ta’ din is-sistema.
F’preżentazzjoni, r-reġistratur tal-Qorti Franklin Calleja spjega kif dan il-proċess mistenni jdum madwar sena u qal kif inġabu ħames scanners sabiex id-dokumenti jkunu skenjati.